Left arrow Go Back

Biex Int Tghix Ahjar: Dokument ta' Konsultazzjoni ta' qabel il-Bagit 2006

pr1135
Date Icon 30/07/2005
“Id-determinazzjoni li nkunu l-aħjar għandha tkun fil-qalba ta’ dakkollu li nagħmlu.  Għandna nfittxu li nkunu l-aħjar u għandna nkunu kburin li qed nagħmlu hekk. Attitudni bħal din lejn ix-xogħol u lejn il-ħajja hija l-garanzija tas-suċċess ta’ Malta quddiem l-isfidi li għandna quddiemna.”  Hekk beda d-diskors tiegħu il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi meta dalgħodu nieda l-ewwel dokument ta’ kosultazzjoni ta’ qabel il-baġit li qatt kellna f’pajjiżna.  Dan id-dokument jispjega ‘il fejn il-gvern qed jimmira l-bagits tiegħu għal ħames snin li ġejja.  Permezz ta’ dan id-dokument, il-gvern qiegħed ukoll ivara konsultazzjoni ta’ xahrejn, li tagħlaq fl-aħħar ta’ Settembru.
Danid-dokument, li jibni fuq it-tliet pilastri li ġew identifikati fil-baġit li għadda, jiġifieri l-ekonomija, l-edukazzjoni u l-ambjent, ipoġġi quddiem il-pajjiż il-qafas tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fid-dawl tal-viżjoni strateġika tal-gvern.
“Danid-dokument huwa l-għatba għad-deċiżjonijiet li l-investituri u dawk li joperaw fil-kummerċ u l-ekonomija jridu jieħdu.  Għandu wkoll ineħħi s-sens ta’ satra u ħabi li fih kien ikun moħmi il-baġit.  Fil-waqt li jagħti dik il-viżjoni li ċ-ċittadini tagħna għandhom iħaddnu, id-dokument jiftaħ ukoll it-triq li matula għandu jimxi l-gvern.  Għandu joftomna mill-mizuri individwali u zgħar li konna mdorrijin nisimgħu fil-baġit, fil-waqt li jħabbar id-deċiżjonijiet wiesgħa li l-gvern iqis li għandu jieħu fil-futur.”
Il-Prim Ministru qal li d-dokument ġie msawwar minn grupp li kien mmexximis-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech.  Dan il-grupp, li ilu jaħdem fuq dan id-dokument sa minn April, kellu serje ta’ laqgħat u diskussjonijiet kemm ma’ nies fil-gvern kif ukoll ma’ oħrajn mis-settur privat.  Dr Gonzi qal li d-dokument iħaddan ukoll ħafna mill-veduti li l-pubbliku ġenerali esprima fil-laqgħat ta’ djalogu li huwa kellu gewwa Kastilja matul l-aħħar xahrejn.
“Din il-konsultazzjoni għandha twassal kemm sabiex il-Gvern jorqomil-pjanijiet tiegħu, wara li jikkonsidra il-kummenti u veduti li jirċievi kif ukoll għandha tneħħi s-segretezza li fiha ġieli kienu jinżammu d-diskussjonijiet fl-MCESD.  Ikun żball jekk naħsbu li dawn id-diskussjonijiet għadda zmienhom;  biss għandna nagħmluhom aktar miftuħa u trasparenti fil-waqt li nwessgħu l-konsultazzjoni għas-socjeta` ċivili u għaċ-ċittadini.”
Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit huwa wieħed mit-tliet dokumenti li għandhomjiggwidaw il-ħidma tal-Gvern matul is-snin li ġejjin.  It-tnejn l-oħra li qed jiġu abbozzati huma il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma li għandu jieħu ħsieb il-kompetittivita` ta’ Malta fid-dawl tal-Aġenda ta’ Lisbona u l-ieħor huwa l-Programm Nazzjonali ta’ Referenza Strateġika li għandu jiddelinea il-prijoritajiet strateġiċi għall-użu tal-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea mill-2007 sal-2013 f’Malta u Għawdex.
“L-akbarpriorita` f’din l-istrateġija hija l-kompetittivita`.  Nistgħu nagħmlu biss il-qabċa fil-kwalita` billi nkabbru l-kompetittivita` tagħna.  Għalhekk huwa kruċjali li pajjiżna jieħu miżuri bis-serjeta` sabiex is-settur privat ikun jista’ jaħdem f’ambjent liberu u ġust, bl-anqas xkiel amministrattiv u b’ aktar riżorsi x’jitfa’ f’investiment produttiv.  Il-Gvern m’għandux ikun fejn mhux postu u għandu jieħu r-rwol ta’ regolatur mingħajr qatt ma jitlaq l-obbligi soċjali tiegħu.”
‘BiexInt Tgħix Aħjar’ jiftaħ bil-viżjoni li kulħadd iqis il-missjoni tiegħu li jkun l-aħjar.  Din hija segwita b’ħarsa ekonomika u finanzjarja fid-dawl tal-qagħda u t-tbassir ekonomiku internazzjonali b’emfażi partikolari fuq l-impatt li l-għoli taż-żejt għandu fuq l-ekonomija tagħna. Il-bilanċ tal-pagamenti u l-qagħda finanzjarja tal-Gvern bħalissa huma eżaminati u r-riżultati posittivi fil-kontroll tal-ispiża tiegħu huma spjegati.  Hemm ukoll il-miri tal-gvern dwar id-dħul u l-iżbilanċ.  Fil-waqt li din il-parti turi r-riżultati tajba fl-oqsma kruċjali tal-impjiegi, turiżmu u ICT, hija turi wkoll biċ-ċar il-ħtieġa kbira li kumpaniji li jesportaw ikabbru l-kompetittivita’ tagħhom inkella ser ikollhom problemi.

Il-Gvern juri li jrid ikabbar il-kompettitivita` billi:   

o       Jinġibed l-investiment.  Dan jenħtieġ l-ewwelnett klima makro-ekonomika stabbli.  Hemm bzonn ukoll investiment pubbliku fl-infrastruttura (trasport u komunikazzjonijiet, l-ambjent u l-wirt nazzjonali) li fuqha imbagħad jibni l-privat;

o       Jiġu mtejba l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja u permezz ta’ bidliet fis-sistema edukattiva tagħna;

o       tissaħħaħ kultura imprenditorjali li taħtaf l-opportunitajiet lokali u barranin għan-negozi u li tneħħi t-tfixkil bla bżonn, tnaqqas l-ispejjeż li joħloq il-gvern fil-waqt li tigura kompetitizzjoni regolata u ġusta;

o       Jiġu zgurati swieq flessibli li jagħnu l-ekonomija bil-ħila li tadatta għax-xejriet u żviluppli li jkunu qed ifiġġu;

o       Tkun imsaħħa l-innovazzjoni, partikolarment f’oqsma ta’ valur mizjud u b’teknologija għolja.  L-appoġġ tal-gvern għandu jkun inkanalat b’mod strateġiku u f’oqsma magħżula bil-għaqal.  

“Jeħtieg li ninvestu fejn inqisu li huwa importanti.  Diga` qed inħallu rizultati u ser inkomlu naħdmu permezz ta’ serje ta’ riformi li uħud minnhom diga` bdejniehom u oħrajna wasaln biex invarawhom.”  

Il-gvern qed jipproponi li s-sistema sħiħa tat-taxxi tiġi studjata mill-ġdid sabiex din:  

o       Isservi bhala stimolu għat-tkabbir,

o       Tiġi żviluppata aktar f’taxxa relatata mal-ambjent ,

o       tħajjar is-suq tal-kera,

o       ikollha sistemi ta’ rapurtaġġ aktar facli bi spejjeż amministrattivi izgħar.  

Għalhekk ser titwaqqaf Task Force sabiex tirrevedi dan kollu u tressaqil-proposti tagħha lill-gvern.
Fl-2006 ser jiddaħħlu numru ta’ miżuri istituzzjonali u riformistruturali fil-qasam tas-saħħa.  Primarjament dawn huma l-liġi ġdida dwar Is-Servizzi tas-Saħħa u t-tisħiħ fl-investiment li qed isir fl-Isptar Mater Dei.  Hawnhekk hemm bżonn li jiġu aġġornati numru ta’ modi ta’ kif isir ix-xogħol;  il-gvern beħsiebu jagħlaq id-diskussjonijiet li għaddejin bħalissa u jibda r-riformi meħtieġa matul is-sena d-dieħla.

Il-Gvern huwa konvint li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-kompetittivita`.  Imqabbla ma’ pajjiżi ewropej ohra, il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja għadha pjuttost baxxa f’pajjizna u l-gvern huwa deċiż li jsostni s-sistema ta’ bħalissa sabiex din il-parteċipazzjoni tikber.  Il-gvern irid ukoll iżid l-aċċess tal-istudenti Għawdxin f’istituzzjonijiet edukattivi għolja ġewwa Malta permezz ta’ miżuri fil-qafas tal-istipendji.  Huwa propost li l-istudenti li bħalissa għandhom stipendju jibqgħu kif inhuma u maż-żmien il-formula ta’ finanzjament tiġi aġġustata b’mod gradwali  ħalli tgħin aktar lill-korsijiet li għandhom impatt akbar fuq l-ekonomija tal-pajjiż.  Madanakollu għandu xorta waħda jibqa’ garantit stipendju bażiku ħalli tkun żgurata l-liberta` tal-għażla.  

Fil-qasam ambjentali, il-gvern irid iżomm l-impenn tiegħu għall-immaniġġjartal-iskart waqt li jagħti attenzjoni partikolari ghall-iżvilupp tat-toroq u l-ħarsien u t-titjib tal-wirt nazzjonali.  Għar-rigward tal-enerġija, il-gvern qed jistudja kemm l-użu ta’ enerġija minn sorsi alternattivi jew li jiġġeddu kif ukoll il-vantaġġi u l-izvantaġġi tal-liberalizazzjoni ta’ dan il-qasam.
“Danhuwa l-pjan tagħna u dawn huma ħsibijietna.  Għidt kemm il-darba sabiex ma tkejluniex skond dak li ngħidu imma skond dak li nagħmlu.  Ir-riżultati jitkellmu waħedhom u l-gvern tiegħi ser jagħti dak li wiegħed.  Hemm bzonn li naħdmu flimkien, fl-interess nazzjonali u b’għan wieħed, dak li nassikuraw l-ahjar kwalita` ta’ ħajja għalina u għal uliedna.  L-unika mod li naslu huwa billi nħaddnu kultura li nkunu l-aħjar.  Dan huwa progett nazzjonali u għandu bżonn l-impenn ta’ kulħadd.”

Kopja tad-Dokument ta’ Konsultazzjoni (pdf) tista’ tiġi downloaded minn fuq il-websites tal-Ministeru tal-Finanzi www.mfin.gov.mt u tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni www.doi.gov.mt, filwaqt li kopji tad-Dokument stampat ikunu jistgħu jinkisbu bla ħlas minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Awissu, mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, 3, Misraħ Kastilja, Valletta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow