Left arrow Go Back

SAJF IEĦOR TA’ XOGĦLIJIET FL-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT

pr1048
Date Icon 12/07/2005

Hekk kif bdew il-vaganzi tas-sajf għal eluf ta’ studenti, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada beda programm ta’ xogħlijiet f’aktar minn 30 skola ta’ l-Istat.  Dan hu xogħol li ma jkunx jista’ jsir waqt li l-istudenti jkunu qed jattendu l-iskola.   

Minbarra l-proġetti l-kbar li qed twettaq il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, bħall-bini ta’ l-iskola l-ġdida li tinsab fil-Karwija, immodernizzar fl-iskola fil-Ħamrun Adelaide Cini, fl-iskola f’Pembroke Sir Adrian Dingli, u fl-iskejjel Primarji ta’ Ħal-Luqa, Mqabba, Wied il-Għajn u Siġġiewi, qed isiru xogħlijiet f’diversi skejjel li jinkludu:  

  • Ħamrun, Guardian Angel – F’din l-iskola Speċjali qed jiġi finalizzat xogħol ta’ mmodernizzar fil-blokok kollha.
  • Ħamrun, Dun Ġużepp Żammit Brighella Junior Lyceum – F’din l-iskola qed isir xogħol fuq il-faċċata ta’ l-iskola, aperturi ġodda kemm interni kif ukoll esterni, immodernizzar tal-faċilitajiet sanitarji u bini ta’ faċilitajiet ġodda għall-għalliema u xogħlijiet ta’ mmodernizzar fil-laboratorji.
  • Ħamrun, Maria Reġina – Xogħol fuq il-faċċati tal-blokok ta’ l-iskola kif ukoll titjib tal-faċilitajiet sanitarji.
  • Ħamrun, Maria Assunta – Xogħlijiet ta’ mmodernizzar tas-sistema ta’ l-elettriku, u ta’ faċilitajiet sanitarji, tibjid u tikħil, showers u faċilitajiet sanitarji ġodda fil-gym ta’ l-iskola.
  • Qormi, San Bastjan – Bdil ta’ soqfa, bini ta’ xaft għal-lift u l-installar ta’ lift ġdid.
  • B’Kara, Borg Brared – F’din l-iskola ser isiru tliet workshops tat-teknoloġija u titjib tal-faċilitajiet sanitarji.
  • B’Kara Skola Primarja B – Titjib tal-faċilitajiet sanitarji.
  • San Gwann Primarja B – Modernizzar tas-sala u tibjid tal-klassijiet.
  • Mellieħa Skola Primarja – Xogħol fuq il-faċċata ta’ l-iskola.
  • Żebbuġ Primarja A u B – Aperturi ġodda.
  • Żebbuġ Dun Karm Psaila – Xogħol fuq il-faċċata u tibdil ta’ l-aperturi.
  • Bormla Skola Primarja – Xaft għal-lift u installar ta’ lift.
  • Birgu Skola Primarja – Aperturi ġodda u culverts.
  • Gżira Skola Primarja – Tibjid tal-klassijiet.
  • Fgura Skola Primarja B – Tibjid tal-klassijiet.
  • Kirkop Skola Primarja – Modernizzar tal-ground u l-faċilitajiet sportivi u bini ta’ dressing rooms.
  • Qrendi Skola Primarja u Skola Speċjali – Xogħol fuq il-faċċata ta’ l-iskola.
  • Żejtun Carlo Diacono – Tibdil ta’ aperturi u tkabbir tas-sala.
  • Żejtun Skola Primarja A – Titjib tal-faċilitajiet sanitarji, aperturi ġodda u tibjid tal-klassijiet.
  • Diversi skejjel – F’diversi skejjel oħra ser ikun qed jiġi nstallat apparat u għamara fil-klassijiet u spazji oħra ta’ l-iskola.

Dawn id-dettalji tkellem dwarhom il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta żar ix-xogħlijiet li bdew fl-iskola sekondarja tal-bniet Maria Assumpta fil-Ħamrun.  F’din l-iskola beda x-xogħol biex tinbidel is-sistema kollha tad-dawl klassi, klassi.  Fejn qed jinbidel l-elettriku ser isir ukoll xogħol ta’ tikħil u tibjid biex il-klassijiet ikunu lesti biex jidħlu fihom l-istudenti f’Settembru li ġej.  Qed isir ukoll xogħol biex jitjiebu l-faċilitajiet sanitarji u bdil tax-showers u faċilitajiet sanitarji fil-gym ta’ l-iskola.  Xogħol ieħor li qed isir jinkludi il-bini mill-ġdid tal-boundary wall ta’ l-iskola.  

Il-Ministru Louis Galea qal li x-xogħol li qed isir f’dawn l-iskejjel hu parti mill-programm li għandha l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex l-iskejjel kollha tal-Gvern ikollhom ambjenti ta’ l-ogħla kwalità.  Hu qal li x-xogħol tajjeb li wettqet il-Fondazzjoni s’issa hu wieħed li jista’ jarah kulħadd u li kulħadd jaqbel li qed iġġib bidla għall-aħjar fl-ambjent ta’ l-iskejjel tal-Gvern.  

Louis Galea qal li l-Gvern irid jassigura l-aqwa esperjenza edukattiva ghat-tfal kollha. “Il-Gvern qed jipproponi li l-iskejjel tal-gvern jiġu organizzati f’Kulleġġi f’qafas miftiehem ta’ awtonomija. Dawn il-Kulleġġi għandhom iwasslu biex it-tfal u l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri jaħdmu fi proċess ta’ edukazzjoni kontinwa u bla skossi mill-età bikrija sa sittax-il sena. L-iskejjel fil-Kulleġġi l-ġodda ser ikollhom aktar libertà li jaġġustaw il-Kurrikulu u t-tagħlim skond il-ħiliet u x-xeħta differenti li jkollhom l-istudenti. Barra minn hekk, irridu nibnu appoġġ u għodda aktar b’saħħithom biex il-Kapijiet u l-għalliema jkunu jistgħu jgħinu lit-tfal jitgħallmu aħjar u aktar.”  

Louis Galea qal li biex il-ħolqien tal-Kulleġġi l-ġodda jirnexxu kif maħsub jeħtieġ li jinbnew numru ta’ skejjel ġodda. “Issa li l-Gvern iddeċieda li jibda l-proċess ħalli jiftaħ dawn il-Kulleġġi, il-Ministeru flimkien mal-Fondazzjoni ser jaġġustaw il-pjanijiet tal-bini u l-immodernizzar ta’ l-iskejjel tal-gvern biex ikunu jistgħu jitwettqu l-iskopijiet edukattivi tar-riforma.” 

Il-Ministru Galea qal li din il-ġimgħa l-għalliema kollha ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u tal-Privat jibdew jirċievu d-dokument “Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll”. Il-Ministru Galea temm jgħid li l-proċess ta’ informazzjoni dwar il-proposti tal-Gvern għall-edukazzjoni ser ikompli biex id-diskussjoni tkun tista` ssir b’mod informat u kostruttiv.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow