Left arrow Go Back

L-EDUKAZZJONI L-AQWA INĊENTIV GĦALL-IMPIEGI

pr0999
Date Icon 04/07/2005

“Il-verita` hi l-aqwa ħaġa li xi Gvern jista` jagħmel biex iż-żgħażagħ ikollhom ix-xogħol hi li jagħtihom l-aqwa edukazzjoni u taħriġ possibbli.  Il-Gvern Malti dan qed jagħmlu bil-fatti.  In-numru ta’ żgħażagħ bejn l-20 u l-24 sena b’edukazzjoni sekondarja ogħla[1] tela` minn 40.6% fl-2001 għal 49.1% fl-2004, żieda ta’ 9%.  In-numru ta’ żgħażagħ b’livell edukattiv anqas minn dak sekondarju[2] naqas minn 53.6% fl-2001 għal 42.6% fl-2004, tnaqqis ta’ 11%.  Il-Gvern determinat li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin issir l-aqwa inċentiv għall-investiment u t-tkattir tal-impiegi fil-pajjiż.”  Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Ministru Louis Galea liż-żgħażagħ fil-Konferenza tal-GWU Youths li saret nhar is-Sibt 2 ta’ Lulju, fil-Workers Memorial Building, Valletta.  

Il-Konferenza ddiskutiet “Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impiegi u ż-Żagħżagħ”.  L-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħrig (KXT/ETC) kienet mistiedna tagħti preżentazzjoni fuq is-suġġett.  Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb u mill-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Carmelo Abela.  

Il-Ministru Louis Galea qal li skond l-istatistika għal Mejju 2005 li ħareġ il-Ewrostat l-bieraħ,[3] il-medja tal-qagħad fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 8.8% filwaqt li l-istatistika għall-Malta hi ta’ 6.8%, 2% anqas. Il-figuri tal-qagħad għall-Malta jinsabu f’anqas min-nofs ta’ l-istatistika għall-25 pajjiz membru tal-UE, li tvarja bejn l-4.2% ta’ l-Irlanda u s-17.8% tal-Polonja. Il-figuri għar-Renju Unit huma 4.6%, Cipru 5.1%, Italja 7.8%, Germanja 9.6%, u Franza 9.9%.  Il-figuri (April 2005) għall-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ġappun huma 5.1% u 4.4% rispettivament.  

L-istessstatistika turi li r-rata ta’ qagħad f’Malta naqset minn 7.4% f’Mejju 2004 għal 6.8% f’Mejju ta’ din is-sena.  Il-figuri għaż-żgħażagħ taħt il-25 sena naqsu minn 17% (Mejju 2004) għal 15.4% (Mejju 2005), filwaqt għal dawk li għandhom aktar minn 25 sena fl-istess perjodu il-qagħad naqas minn 4.5% għal 4.2%.
Skondl-aħħar statistika tal-Labour Force Survey l-aktar li qed ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena huwa fis-settur tal-manifattura (26.7%), is-settur tal-kummerċ (17.5%), lukandi u ristoranti (14.8%), u attivita` ekonomika li għandha x’taqsam mar-real estate u l-bini (7.8%).  L-erba’ kategoriji ta’ impiegi li l-aktar qed jinstab xogħol fihom huma: skrivani (21.2%), Servizzi u sales persons (20.7%), Operaturi fuq magni u impjant (14.6%), u Technicians (13.4%).
Il-MinistruLouis Galea qal li l-Gvern qed jinvesti miljuni kbar fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fis-servizzi għal dawk li qed ifittxu x-xogħol.  Il-KXT qed tħaddem diversi skemi personalizzati biex tħarreġ u tgħin żgħażagħ isibu x-xogħol. Żgħażagħ li għadhom kif spiċċaw l-iskola sekondarja u ddeċidew li jidħlu fid-dinja tax-xogħol jistgħu jibbenefikaw minn Basic Employment Passport Programme li huwa kors ta’ tmien ġimgħat taħriġ f’diversi ħiliet (litteriżmu, numeriżmu, diġitali, soċjali u teknoloġiċi). L-iskemi ta’ apprendistat ukoll jgħinu mijiet ta’ żgħażagħ jiksbu esperjenza rikonoxxuta f’oqsma tekniċi importanti fl-ekonomija. Il-Job Experience Scheme toffri esperjenza ta’ xogħol fis-settur privat għal tlettax il-ġimgħa.  Il-maġġoranza ta’ dawk li daħlu f’din l-iskema baqgħu fl-impieg.  Fl-Employment and Training Placement Scheme l-KXT tissussidja 50% tal-paga minima għal esperjenza ta’ xogħol u taħriġ mas-settur privat għal dawk li lhom jirreġistraw għax-xogħol.
LouisGalea sostna li l-isfida ewlenija għal Malta tibqa` li tittrasforma r-riżorsa umana tagħha b’investiment serju, qawwi u kontinwu.  Mingħajr dan, is-soċjeta` u l-ekonomija jaffaċċjaw riperkussjonijiet serji.
Il-MinistruGalea fisser li l-pajjiż illum qed jaffaċċja rejalta` li ma jistax jaħrab minnha.  “L-effett ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ qed jidħol inkiss inkiss fl-ekonomija tagħna kif daħal f’pajjiżi żviluppati oħra.  Jekk illum għandna 6 ħaddiema għal kull beneficjarju soċjali, inkluż il-pensjonanti, tletin sena oħra ikollna 3 ħaddiema, u sittin sena oħra ikollna 1.5 ħaddiema għal kull benefiċjarju. Biex nilqgħu għal dan l-effett għandna bżonn, l-ewwel inżidu l-produttivita`, il-kompetittivita` u l-effiċjenza f’kollox; it-tieni għandna bżonn forza tax-xogħol akbar billi aktar nisa u anzjani jipparteċipaw fl-attivita` ekonomika produttiva. Dan jirrikjedi sistema edukattiva mibnija fuq l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja kollha.”
Il-MinistruGalea fisser li r-rejalta` ekonomika, ħafna aktar mir-rejalta` politika, f’dinja miftuħa ta’ forzi kompettittivi mill-aktar b’saħħithom, timponi fuqna li nikkompetu f’dawk l-oqsma bl-ogħla valur miżjud, jekk irridu nevitaw il-kompetizzjoni bil-pagi baxxi u allura dħul u livell ta’ għixien aktar baxxi. Dan ifisser li rridu nsostnu u ntejjbu l-livell ta’ għixien tagħna billi niġġeneraw dejjem aktar valur miżjud ogħla.
Il-MinistruGalea fisser li s-sehem tal-Gvern fl-iżvilupp tal-pajjiż jibqa` dejjem kruċjali.  Iżda l-irwol u d-direzzjoni tal-lum huma differenti minn dawk li drajna bihom fil-ħamsin sena li għaddew. “Illum is-soċjeta` tinsisti mal-Gvern li għandu jħalli f’idejn is-settur privat dak ix-xogħol li dan jagħmel aħjar, aktar malajr, b’aktar effiċjenza, u possibilment bi prezz irħas.  Min naħa l-oħra is-soċjeta` trid li l-Gvern ikun b’saħħtu biex jirregola l-privat u jipproteġi lil min hu ġenwinament batut u fil-bżonn.  Mhux prevedibbli li xi Gvern, hu ta’ liema kulur hu, ser ikun jista` jbiddel din id-direzzjoni fil-futur sa fejn nistgħu naraw.”
“Fid-dawlta’ din ir-realta` ekonomika kwalunkwe Gvern għandu żewġ pilastri fuq x’hiex jibni.  L-ewwel il-ħolqien ta’ klima ekonomika stabbli u ta’ fiduċja li fiha l-intrapriza privata tista` topera u tiffjorixxi. It-tieni pilastru huwa l-investiment fir-riżorsa umana permezz ta’ l-edukazzjoni u programmi ta’ inkluzjoni.”
Il-MinistruGalea qal li l-viżjoni, il-politika u d-direzzjoni tal-Gvern huma ċari u b’saħħithom kif imfisser fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impiegi, fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali, u fil-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ. Issa l-Gvern ser jaġġorna l-pjan tiegħu permezz tal-Proċess għar-Riforma Nazzjonali li fuqu ser ikun imfassal kif ser tiġi investita l-għajuna ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ liri li l-Unjoni Ewropea mistennija tgħaddi lil Malta bejn l-2007 u l-2013.
Il-MinistruGalea fisser li diversi pajjiżi membri fl-UE, anke jekk aktar avvanzati minn Malta, qed jaffaċċjaw ukoll l-istess sfidi li ġew identifikati fil-bidu ta’ dan is-seklu fl-Agenda ta’ Lisbona.  Huwa veru li bħalissa l-UE għaddejja minn fażi ta’ diskussjoni kritika dwar kwestjonijiet fondamentali. “Iżda dan hu proċess li ser jispiċċa billi jiċċara u jsaħħaħ lill-istess Unjoni.  Ix-xogħol tagħna f’Malta hu li nisfruttaw sal-massimu l-għajnuna li ser niksbu mill-UE kif ukoll ir-riżorsi lokali bl-akbar kuraġġ, bżulija, u għaqal biex nassiguraw it-trasformazzjoni gradwali u sostnuta ta’ pajjiżna li iġġib magħha l-investiment u t-tkabbir ekonomiku li għandna bżonn.
Il-MinistruGalea temm l-intervent tiegħu b’żewġ messaġġi. “L-ewwel, lill-ġenituri biex jagħmlu ħilithom kollha biex uliedhom jiksbu l-aqwa edukazzjoni u ħiliet possibbli għax b’hekk biss jistgħu jassiguraw il-futur ta’ uliedhom u anke tagħhom.  It-tieni, liż-żgħażagħ biex ikunu entużjasti u jazzardaw biex jaħtfu kull opportunita` li jiltaqgħu magħha, li jieħdu l-edukazzjoni u t-taħriġ bis-serjeta`, u jidħlu għall-isfida li jkunu fost l-aħjar żgħażagħ fl-Ewropa.  Aħna lkoll qiegħdin f’tellieqa li diġa` bdiet u l-premju kbir qiegħed hemm għal min jilħaq l-ewwel. Tajjeb kulħadd iżomm f’moħħu li l-ebda gvern ma jista` jwiegħed li jħaddem lil kulħadd miegħu. Dak iż-żmien spiċċa u ma jerġax jiġi.
Is-soċjeta`tinsisti li l-gvernijiet jużaw il-fondi pubbliċi biss fejn hemm bżonn u b’mod effiċjenti daqs is-settur privat.  Il-futur u s-sigurta` taż-żgħażagħ jinsabu biss fil-kapaċita` u l-ħiliet tagħhom, li għandhom iżommu aġġornati tul il-ħajja kollha tagħhom.”
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow