Left arrow Go Back

POLITIKA ĠDIDA DWAR PERMESSI TA’ XOGĦOL LIL BARRANIN

pr0998
Date Icon 04/07/2005
Fl-ekonomijahemm setturi li jinħtieġu aktar ħaddiema iżda dawn mhux qed jinstabu.  Dan ifisser li jew hemm Maltin u Għawdxin li mhumiex lesti jidħlu għal ċertu xogħol jew inkella lanqas biss hemm ħaddiema biex jimlew dawn l-opportunitajiet.  Għaldaqstant, il-Gvern qed jadotta politika ġdida dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol lil barranin.  Il-Gvern irid jirregola b’mod aktar effettiv l-ingaġġ illegali ta’ ħaddiema barranin u jgħin is-suq tax-xogħol isib il-ħaddiema li jkollu bżonn minn żmien għal żmien.  Dan tħabbar f’Konferenza Stampa li saret nhar is-Sibt, 2 ta’ Lulju, preseduta mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Gustizzja u l-Intern Dr. Tonio Borg u li fiha ha sehem il-Ministru Louis Galea li huwa wkoll responsabbli għax-xogħol.
Il-MinistruTonio Borg ħabbar li l-Gvern iddeċieda li jiddelega l-funzjoni tal-ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol lil barranin lill-Korporazzjoni tax-Xoghol u Taħriġ (KXT/ETC) taħt ir-responsabbilita` politika tal-Ministru tax-Xogħol.  Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern ser jibqa` responsabbli għall-aspetti ta’ sigurta` interna permezz tal-Pulizija.  Il-Gvern iżda qed jadotta proċedura ġdida li tirrispondi b’mod aktar effettiv għall-iżviluppi ekonomiċi u dawk tas-suq tax-xogħol. Għal dan l-iskop ser jitressqu l-emendi meħtieġa sew fil-liġi kif ukoll fir-regolamenti li għandhom x’jaqsmu mad-dħul ta’ ħaddiema barranin f’Malta.
Il-MinistruLouis Galea fisser li n-nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi partikolari u f’perjodi partikolari jfixkel ir-ritmu ta’ l-attivita` ekonomika fil-pajjiż. Min naħa l-oħra l-Gvern jinsisti li ma jkunx hawn ħaddiema, Maltin jew barranin, li jkunu sfruttati u li ma jkunux koperti bil-protezzjoni tal-liġijiet tax-xogħol u tas-saħħa u l-ħarsien fuq il-post tax-xogħol.  “Il-Gvern xorta ser jibqa` jinsisti li postijiet tax-xogħol jimtlew mill-ħaddiema Maltin u l-KXT ser tkompli tieħu passi kontra min qed jirreġistra u jirrifjuta opportunitajiet raġjonevoli ta’ xogħol jew skemi ta’ taħriġ.  Hu għalhekk li l-Gvern qed jinkariga lill-KXT biex tħaddem l-uffiċċju tal-ħruġ ta’ permessi lil barranin f’dawk l-oqsma fejn tibqa` ma ssibx ħaddiema Maltin u Għawdxin għall-impjiegi li jkun hemm bżonn.”
LouisGalea sostna li huwa importanti li nimmaniġjaw b’mod effettiv il-bżonn ta’ ħaddiema barranin fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-Gvern jinsisti li min iħaddem jagħti kooperazzjoni sħiħa biex jiġi assigurat li filwaqt li huma jkollhom il-ħaddiema kollha li għandhom bżonn għall-ħidma produttiva tagħhom, fil-pajjiż ma jkollnix ħaddiema barranin li qed jaħdmu bla permess u ma jħallsux taxxi u kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali.  Il-Gvern irid li flimkien ma’ min iħaddem is-suq tax-xoghol jimmaniġja u jippjana aħjar kemm, fejn u x’tip ta’ ħaddiema barranin hemm bżonn, għal kemm żmien hemm bżonnhom, minn liema pajjiżi, u taħt liema kondizzjonijiet.  Il-Ministru Galea fisser ukoll li ser jittieħdu passi biex jiġu kontrollati ħaddiema barranin li jaħdmu għal rashom.
LouisGalea qal li b’kooperazzjoni sħiħa bejn il-Pulizija u l-KXT il-Gvern ser ikollu mekkaniżmu aktar modern u b’saħħtu biex is-suq tax-xogħol jikkontrolla u juża aħjar l-ħaddiema barranin fejn hemm bżonn.
Waqtil-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet tħabbar  li :

1.         B’seħħ mill-1 ta’ Awwissu r-responsabbilita’ amministrattiva għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema barranin se tgħaddi mingħand il-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern għal għand il-KXT.

2.         Filwaqt li d-drittijiet ta’ ħaddiema mill-Unjoni Ewropea ser ikomplu jiġu regolati kif miftiehem fit-Trattat bejn il-Gvern u l-UE, employers li jkollhom bżonn ħaddiema minn pajjiżi barra mill-UE iridu isegwu l-proċedura kif imfissra hawn taħt. 

3.         Ħaddiema mill-UE huma obbligati japplikaw u jirreġistraw l-impjieg tagħhom mal-KXT b’konferma mill-employer konċernat.

4.         Fir-rigward ta’ ħaddiema minn pajjiżi mhux membri tal-UE, l-employers iridu japplikaw għand il-KXT fuq il-formula ġdida preskritta u jħallsu skond ir-regolamenti.

5.         L-ebda applikazzjoni ma tiġi konsidrata jew approvata jekk il-ħaddiem konċernat ikun daħal Malta qabel ma jinħareġ il-permess relattiv u jekk jinstab li dan ġara l-permess jiġi irtirat.

6.         L-employer irid jassigura, minn qabel japplika, li jkollu polza ta’ assigurazzjoni valida fuq is-saħħa tal-ħaddiem/a barranin li jitlob permess iħaddem miegħu.

7.         Il-permess joħroġ ghall-perjodu massimu ta’ sena u jista` jiġi imġedded għal perjodi oħra kemm il-darba issir applikazzjoni xahar qabel jiskadi l-permess.

8.         Id-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza u l-Barranin ser ikompli jipproċessa l-applikazzjonijiet pendenti bl-iskop li dawn jiġu deċiżi fl-aqsar żmien possibbli.

9.         Il-Gvern għal darba waħda biss ser jirregolarizza l-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin li daħlu f’Malta qabel l-1 ta’ Lulju, 2005, u li dwarhom lanqas applikazzjoni għadha ma ġiet sottomessa.  L-employers qed jingħataw żmien bejn l-1 u l-31 ta’ Awissu biex jippreżentaw il-formoli preskritti flimkien mal-ħlas dovut fl-uffiċċji tal-KXT f’Ħal Far.  Kull min qiegħed f’dawn iċ-ċirkostanzi u jonqos milli jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu ma jkollu l-ebda applikazzjoni oħra kondsidrata minbarra l-pieni ġodda li ser jiġu stabbiliti fil-liġi.

10.        Il-KXT ser tkompli twettaq il-mandat li għandha skond il-liġi biex qabel tagħti permess għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin jiġu eżawriti l-isforzi kollha biex jinstabu ħaddiema Maltin jew Għawdxin.

11.        Se jiħraxu l-penali għal min iħaddem ħaddiema barranin mingħajr permess.  Barra minn hekk, kuntratturi li jwettqu dan l-abbuż mhux se jkunu jistgħu jingħataw kuntratti tal-Gvern għal tliet snin.

12.       Sa l-1 ta’ Awwissu l-applikazzjonijiet għal dan l-iskop għandhom ikomplu isiru lid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u Barranin.

13.       Employer ma jkunx jista` jħaddem miegħu ħaddiem barrani li dwaru jkun diġa` ngħata permess lil xi employer ieħor f’Malta jew Għawdex qabel ma jkun applika lill-KXT u kiseb il-permess meħtieġ.

14.       Il-Ministeru responsabbli għax-xogħol flimkien mal-KXT jittrattaw każijiet speċjali fuq il-mertu tagħhom.

15.       Il-Pulizija tirriserva d-dritt li għal raġunijiet skond il-liġi tirrevoka kull permess ta’ residenza maħruġ lil ħaddiema barranin.

16.       Ir-reġim attwali għal permessi tax-xogħol maħruġa lil refuġjati u persuni li għandhom protezzjoni temporaneja jew li qed ifittxu l-asil tibqa` kif inhi llum, ħlief li l-permessi toħroġhom l-KXT.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow