Left arrow Go Back

TWEĠIBA GĦALL-KUMMENTI TAL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR IS-SEA MALTA

PR0981
Date Icon 30/06/2005

Il-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta’ nhar it-Tlieta, 28 ta’ Ġunju, kienet opportunità oħra biex jagħmel ta’ bir-ruħu li ma jafx il-fatti biex iħalli ‘l min jisimgħu jiddubita dak li hu fatt. 

Il-Gvern hu għal kollox konxju mil-pożizzjoni tal-Multigas. Dan għax il-Ministru Austin Gatt sejjaħ hu stess laqgħa għall-klienti kollha tas-Sea Malta f’okkażjoni organizzata flimkien mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji. Dik il-laqgħa u l-ittra stess li ikkwota bħala skandlu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kienu parti mil-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ l-industrija Maltija li l-Gvern ħabbar pubblikament li ser jagħmel dak inhar li ħabbar li ffirma ftehim inizjali max-xerrejja identifikati tas-Sea Malta .  

L-għan ta’ dawn il-konsultazzjonijiet hu biex ikun assigurat li tkun xi tkun il-forma li jieħu l-operat tas-Sea Malta wara l-privatizzazzjoni, il-bżonnijiet raġjonevoli ta’ l-industrija Malta jibqgħu jinqdew b’mod sħiħ. Hu għalhekk li l-Gvern daħal f’kuntratt t’obbligu ta’ servizz pubbliku mas-Sea Malta : biex ikun assigurat li jkun jew ma jkunx kummerċjalment vijabbli għas-sidien tas-Sea Malta li jaqdu l-bżonnijiet ta’ l-industrija Maltija, dan il-bżonn jaqduh xorta u dan ikun garantit b’kuntratt mal-Gvern li jpatti hu għat-telf finanzjarju li jirriżulta minn dan is-servizz.  

Hu fatt li qatt ma kien kontroversjali li wieħed mill-aktar elementi kruċjali tal-bżonnijiet ta’ l-industrija Maltija hu servizz ta’ ġarr ta’ gass importat mil-Multigas. Dan m’hux biss għax klijent importanti tal-Multigas hi l-ST Microelectronics, iżda wkoll għax Multigas tforni gassijiet li jintużaw għal skopijiet mediċi u li l-provvista tagħhom ma tistax tinqabeż.  

Il-Gvern jirrikonoxxi dan il-fatt u hu għalhekk li qed isiru dawn il-konsultazzjoni u li hu f’loku li jitqiesu sew il-bżonnijiet raġjonevoli ta’ din l-ażjenda biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-kuntratt t’obbligu ta’ servizz pubbliku qabel tiġi finalizzata l-privatizzazzjoni.

Il-Gvern ma jafx li Multigas esprimiet xi pożizzjoni li hi fil-prinċipju kontra l-privatizzazzjoni: żgur li dan m’għamlitux fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzata mil-Federazzjoni ta’ l-Industriji. Huma x’inhuma l-bżonnijiet raġjonevoli ta’ Multigas Ltd, dawn jistgħu jinqdew b’mod sħiħ f’kuntest ta’ privatizzazzjoni u l-Onor. Alfred Sant ikun qed jimmiżgwida meta jħawwel f’ħalq ħaddieħor kritika li ħaddieħor ma jkunx għamel.  

Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jeżawrixxi konsultazzjoni sħiħa mal-Federazzjoni ta’ l-Industriji u mal-membri tagħha qabel tiġi konkluża l-privatizzazzjoni u li jassigura, kontrattwalment u bis-siġġill ta’ ħlas kull sena, konsultazzjoni dejjiema bejn min ikollu l-kuntratt ta’ servizz pubbliku bil-baħar (is-sidien il-ġodda tas-Sea Malta ) u l-industrija Maltija biex il-bżonnijiet ta’ din jibqgħu jinqdew anke jekk jinbidlu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow