Left arrow Go Back

MINN PAJJIŻI TA’ L-WTO U R-RI-INTRODUZZJONI TA’ KWOTI FUQ L-IMPORTAZZJONI TA’ CERTU DRAPPIJIET MIĊ-ĊINA

PR0975
Date Icon 28/06/2005

Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed jixtieq jinforma lill-importaturi kollha dwar tibdil li qed iseħħ f’ċerti proċeduri ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.  Numru ta’ kwoti temporanji ġew fis-seħħ fl-ewwel ta’ Mejju ta’l-2004 fuq drapp, azzar, żraben, ċeramika u porċellana li huma importati minn pajjiżi terzi.  Mill-1 ta’ Jannar 2005 il-maġġoranza ta’ dawn il-miżuri tneħħew.  Ġie pubblikat Avviż Legali (A.L. 230/2005) fil-21 ta’ Ġunju biex jiġu mplimentati dawn il-bidliet.  Is-sitwazzjoni issa hija hekk:

Tessuti:

Il-kwoti fuq prodotti ta’ tessili mportati mill-Argentina, Bangladesh, Bosnija-Herzegovina, Brazil, Kambodia, Croazja, Hong Kong, Indonesja, India, Kazakhstan, Kyrgyzstan, Laos, Macau, Malasia, Moldova, Mongolia, Nepal, Filippini, Peru, Pakistan, Russja, Serbja, Singapore, Syria, Korea t’Isfel, Sri Lanka, Taiwan, Tajikistan, Thailandja, Turkmenistan, United Arab Emirates u l-Ukraina tneħħew kollha.  Dan ifisser li liċenzji ta’ l-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi mhux ser jibqgħu jintalbu.  

Iżda, minn meta tneħħew dawn il-kwoti fl-1 ta’ Jannar 2005, l-importazzjoni ta’ prodotti tad-drapp li ġew importati miċ-Ċina fl-Unjoni Ewropea żdiedu b’mod drastiku.  Din iż-żieda kellha impatt negattiv fuq il-manifatturi ta’ dan is-settur fl-UE.  Dan wassal biex saru negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru għall-Kummerċ fiċ-Ċina, u ġie deċiż li jerġgħu jiddaħħlu miżuri restrittivi fuq l-importazzjoni ta’ ċertu prodotti.  Il-kwoti fuq dawn il-prodotti ġew fis-seħħ mill-11 ta’ Ġunju 2005.   

Meta importaturi japplikaw għal liċenzja ta’ l-importazzjoni, huma mitluba li jippreżentaw bill of lading u invoice, flimkien ma’ l-applikazzjoni għal liċenzja ta’ l-importazzjoni.  Dawn iridu jiġu ppreżentati lid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta.  

Intant, il-kwoti fuq tessuti li huma importati minn Belarus, Korea ta’ Fuq, Kosovo, Montenegro, Uzbekistan u l-Vjetnam, ser jibqgħu japplikaw għalissa.  Iżda ntlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvernijiet tal-Korea ta’ Fuq u l-Vietnam biex dawn il-kwoti jitneħħew mill-akter fis.  Dan ser iseħħ meta l-ftehim jiġi ratifikat bejn dawn il-pajjiżi.  

Żraben:

Il-kwoti fuq żraben importati miċ-Ċina tneħħew.  Iżda ser jibqgħu jaqgħu taħt miżuri ta’ sorveljanza u ser jibqgħu soġġetti għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni.  Din il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni.  

Miżuri ta’ sorveljanza fuq żraben importati mill-Vietnam tneħħew u m’għadx hemm bżonn ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni.  

Ċeramika u porċellana:

Il-kwoti fuq iċ-ċeramika u l-porċellana importati miċ-Ċina tneħħew u m’hemmx bżonn ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni fuq dawn il-prodotti.  

Prodotti ta’ l-Azzar:

Ma kien hemm l-ebda tibdil fuq l-importazzjoni ta’ prodotti ta’ l-azzar minn pajjizi terzi.  Fil-fatt, il-kwoti fuq prodotti ta’ l-azzar importati mir-Russja, l-Ukraina, u l-Kazakhstan ser jibqgħu japplikaw. Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq prodotti mill-pajjizi l-oħra kollha ukoll ser jibqgħu japplikaw.  

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta (Tel: 2124307, 21242270).

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow