DELEGAZZJONI PARLAMENTARI MALTIJA LURA MINN ŻJARA FIT-TUNEŻIJA
Id-delegazzjoni parlamentari mmexxija mill-President tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor Jason Azzopardi, temmet żjara ta’ tlett ijiem fit-Tuneżija li fiha pparteċipaw ukoll l-Onor Clyde Puli min-naħa tal-Gvern u l-Onor Joseph Cuschieri u l-Onor Silvio Parnis min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni. Iż-żjara saret fuq stedina mill-Kamra tad-Deputati tat-Tuneżija.
Waqt iż-żjara tagħha d-delegazzjoni Maltija ltaqgħet mal-President tal-Kamra tad-Deputati, Mr Fouad Mebazaa, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ naħat esprimew sodisfazzjon għall-importanza li kienet qed tingħata d-dimensjoni parlamentari bejn Malta u t-Tuneżija, li kull ma jmur qed tissaħħaħ. Hawnhekk Mr Mebazaa rrefera għal delegazzjoni parlamentari li kien mexxa l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati fuq żjara uffiċjali fit-Tuneżija s-sena li għaddiet. Mr Mebazaa kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-mod kif kienet organizzata ż-żjara statali tal-President tat-Tuneżija f’Malta, Ben Ali, ftit tal-ġimgħat ilu u ddeskrieva dik iż-żjara bħala suċċess.
Id-delegazzjoni Maltija kellha sessjoni ta’ ħidma ma’ delegazzjoni mill-Kamra tad-Deputati tat-Tuneżija mmexxija mill-President tal-Kumitat tal-Finanzi, Ippjanar u Żvilupp Reġjonali, Mr Abderrahmen Bouhrizi. Fost suġġetti oħra li ġew diskussi, l-Onor Azzopardi ppropona li tiġi esplorata l-possibbilta’ ta’ koperazzjoni bejn il-Kumitati dwar l-Affarijiet Soċjali taż-żewġ parlamenti, liema proposta ntlaqgħet b’entużjażmu.
F’laqgħa li d-delegazzjoni Maltija kellha ma’ Mr Hatem Ben Salem, Segretarju ta’ l-Istat fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u Ewropej, ġiet diskussa koperazzjoni akbar bejn iż-żewġ pajjiżi f’affarijiet li jolqtu l-Mediterran. Id-delegazzjoni Maltija wriet apprezzament għall-appoġġ li t-Tuneżija qed tagħti lil Malta fl-inizjattiva tagħha li s-Segretarjat ta’ l-Assemblea Parlamentari ta’ l-Istati tal-Mediterran jitwaqqaf f’pajjiżna. Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija ppropona li jitwaqqaf task force bejn Malta u t-Tuneżija, magħmul minn esperti, li jkollu l-għan li jittratta b’mod informali iżda ffokat numru limitat ta’ oqsma speċifiċi li fihom tista’ tibda ħidma ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, u bħala eżempju semma t-teknoloġija ta’ l-informatika, it-telekomunikazzjoni u t-turiżmu, speċjalment il-qasam tal-cruise liners. Min-naħa tiegħu Mr Ben Salem kien pront qabel ma’ din il-proposta.
Id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll laqgħa ma’ Mr Omar Abed, Segretarju ta’ l-Istat fil-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, Hydraulic Resources u Sajd. Matul il-laqgħa ż-żewġ naħat iddiskutew diversi suġġetti fosthom il-possibbilta’ ta’ kollaborazzjoni f’oqsma ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija, fid-dawl tal-fatt li t-Tuneżija qed tesplora teknoloġija ġdida Ġermaniża għal enerġija mir-riħ.
Laqgħa oħra li kellha d-delegazzjoni Maltija kienet ma’ Mr Tijani Haddad, Ministru tat-Turiżmu, fejn saret diskussjoni dwar il-possibbilta’ ta’ koperazzjoni bejn Malta u t-Tuneżija bil-għan li jiġbdu turisti mis-suq Ġappuniż, Ċiniż u Amerikan lejn il-Mediterran b’vaganzi li bħala destinazzjoni jkollhom lil Malta, it-Tuneżija u l-Libja, tliet pajjiżi għonja f’wirt storiku u arkeoloġiku.
Id-delegazzjoni parlamentari Maltija ltaqgħet ukoll ma’ Mr Mondher Zenaidi, Ministru tal-Kummerċ u Industrija tas-Snajja’.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946