Left arrow Go Back

RISPOSTA LILL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR IL-KONSULENZI

PR0909
Date Icon 17/06/2005

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant ma laqax l-isfida tal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni biex jgħid liema, skond hu, kienu l-konsulenzi li saru matul is-sena 2004 li kieku kien hu fil-Gvern u li hu ma kienx iħalli li jsiru.

Dr. Sant tkaża bil-fatt li l-entitajiet li għalihom hu responsabbli dan il-Ministeru, fl-2004 ikkummissjonaw bejniethom Lm570,000 f’konsulenzi.  

Li ma qalx l-Onor. Alfred Sant hu li fis-sena sħiħa li hu kien Prim Ministru (1997), l-istess entitajiet li llum jinsabu f’dan il-Ministeru, bejniethom ikkummissjonaw aktar minn Lm630,000 f’konsulenzi. Jekk il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni  qis l-ammont li nefaq il-Ministeru llum bħala indikatur ta’ ħela u tberbiq, Dr. Alfred Sant għandu jgħid jqisx ħela u tberbiq ukoll in-nefqa akbar li saret meta hu stess kien Prim Ministru tmien snin ilu.

Il-kritika tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għall-ammonti spjegati mill-Ministeru bħala dettall ta’ f’hiex intefqu l-Lm570,000 hija patetika għall-aħħar.  

Anke li kieku d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex ma kellux ġustifikazzjoni, ma jistax minn hekk, wieħed jikkonkludi, kif għamel Dr. Sant, li ma kellhomx jitqabbdu esperti biex iħejju Master Plan dwar id-drenaġġ u li jsiru l-pjanti u d-disinni tekniċi għal impjanti: wieħed f’Għawdex u tnejn f’Malta. Argument wieħed m’għandux x’jaqsam ma’ l-ieħor.  

Inċidentalment id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ l-impjant f’Għawdex għandu ġustifikazzjoni għax hu riżultat ta’ kawża fil-Qorti minn sid ta’ propjetà biswit is-sit ta’ l-impjant, li ma setgħetx tkun prevista meta l-Gvern ħabbar il-programm ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fl-2003. Dan l-ostaklu issa hu riżolt. Bil-loġika tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dan l-ostaklu kellu jikkonvinċi l-Gvern jabbanduna għal kollox il-programm ta’ tiġdid u tisfija tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex kollu biex jiffranka Lm170,000 f’konsulenzi.  

Tkun qed tħallat l-irrilevenzi wkoll meta targumenta, kif argumenta l-Onor. Alfred Sant, li l-Enemalta ma kellhiex tagħmel spezzjonijiet regolari ta’ sigurtà fl-impjanti taż-żejt jew tippjana għal sit ieħor għall-ibbottiljar taċ-ċilindri tal-gass, jew tistudja l-possibilità ta’ l-użu tal-gass naturali, sempliċiment għax kien hemm problemi fid-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass matul ix-xitwa li għaddiet: argument m’għandux x’jaqsam m’ieħor.  

L-Oppożizzjoni taħseb li l-pubbliku huwa dispost li jibqa’ jiġi mitmugħ argumenti nfantili li jħawdu l-verita’. L-oġġezzjoni li qajjem Dr. Alfred Sant nhar il-Ħadd li għadda, kienet li fil-fehma tiegħu, il-konsulenzi kkummissjonati s-sena li għaddiet mill-Gvern kienu ħela u tberbiq. Li missu għamel Dr. Sant hu li aċċetta l-isfida li għamillu l-Gvern u jgħid liema konsulenzi ma kienx jagħmel, kieku hu kien Prim Ministru. Mill-unika sena sħiħa fl-istorja li fiha hu kien Prim Ministru, il-fatti juru li hu kien jonfoq aktar u mhux inqas.  

Meta ma jkollux argumenti sodi, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jaqa’ ghall-allegazzjonijiet. Fl-istqarrija tiegħu tal-bieraħ, Dr. Sant qal ħaġa li ma qalx nhar il-Ħadd, qabel it-tweġibiet tal-Gvern:  Dr. Sant tefa’ is-suspett ta’ korruzzjoni meta qal: “meta wieħed jinnota min qiegħed jibbenefika minn dawn il-konsulenzi bla għaqal, ukoll jinnota ċirku ta’ nies u kumpaniji li donnhom jafu sewwa x’għandhom jagħmlu biex igawdu mill-ħlasijiet tal-Gvern”.  

Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni qiegħed jippubblika l-informazzjoni li l-Ministru kien qiegħed fuq il-mejda tal-Parlament bi tweġiba għal domanda ta’ l-Oppożizzjoni. Dan id-dokument (li hu pubbliku) hu s-sors tas-suspetti ta’ l-Oppożizzjoni dwar korruzzjoni. Dr. Alfred Sant għandu jgħid min, minn dawn il-konsulenti, ma kienx fil-fehma tiegħu kompetenti jew għal xi raġuni ma kienx jixraqlu jkun konsulent tal-Gvern.

… / dokument pr0909a (pdf file)

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow