Left arrow Go Back

FESTIVAL TA’ ARTI, MUŻIKA U LETTERATURA

PR0907
Date Icon 16/06/2005

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti se jniedi l-Festival tas-Sajf 2005 bejn Lulju u Awissu b’diversi attivitajiet artistiċi, mużikali u letterarji. Il-festival se jilħaq il-qofol tiegħu fit-22 ta’ Lulju bl-Opra Mużikali ta’ Leonard Berstein “Candide” – verżjoni għal kunċert. Il-produzzjoni hija ta’ Mario Frendo u Davinia Galea għal Fondation de Malte b’kollaborazzjoni mal-kor Voices u l-Orkestra Nazzjonali mmexxija minn Michael Laus. L-opra se tittella’ fil-Valletta Waterfront li ġie restawrat u inawgurat ftit tal-jiem ilu.

Il-Festival tas-Sajf se jibda fl-1 ta’ Lulju b’wirja ta’ xogħlijiet ta’ arti viżiva fil-Valletta Waterfront Complex. Din il-wirja se tittella’ minn artisti ta’ sitt ġenerazzjonijiet differenti. Fit-3 ta’ Lulju se jittella’ programm mill-Euro Academy Youth Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Manoel Pirotta.  

Fit-23 ta’ Lulju, l-Ars Ludi li huwa percussion group spettakolari Taljan, se jippreżenta “Visions of Rhythm”. Jieħdu sehem Antonio Caggiano, Rodolfo Rossi u Gianluca Ruggeri.  

Fis-26 u s-27 ta’ Lulju l-Contact Dance Company se jesegwixxu Are you right, am I wrong?, Poetry in Motion, Hip Hop Don’t  Stop!, Tempest u TV OD.

Is-Sibt u l-Ħadd 30 u 31 ta’ Lulju l-Creative Dance Studio se jtellgħu Reflections, Extravaganza fiż-Żfin – fużjoni ta’ danza u mużika.  

Fis-7 ta’ Awissu, Poezijaplus u l-grupp Nafra se jippreżentaw serata letterarja flimkien bl-isem “Swar”. Din l-attivita’ ser tittella’ fil-Pinto Waterfront.  

Bejn is-7 u l-21 ta’ Awissu, ser jittella d-Dramafest fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bi preżentazzjoni ta’ drama u kompetizzjoni organizzati minn Josette Ciappara u bil-parteċipazzjoni ta’ 10 kumpanniji. Fil-Kavallier ta’ San Gakbu se jkunu organizzati wkoll il-Virtuoso Classics. Dawn se jsiru fis-7 u d-29 ta’ Lulju u fit-13, l-20 u l-25 ta’ Awissu fil-music room fit-8.00 p.m.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech ħabbar il-programm tal-festival tas-sajf waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret  fil-Valletta Waterfront fejn se jsiru diversi mill-attivitijiet. Il-Ministru Zammit Dimech beda biex feraħ lill-management tal-Valletta Waterfront li qed ipoġġu għad-diżpożizzjoni ta’ l-arti u l-kultura, post storiku li ġie modernizzat wara ħidma u investiment qawwi li ngħata bidu meta hu kien Ministru responsabbli mill-proġetti għar-riġenerazzjoni urbana .  

Francis Zammit Dimech qal li l-imħażen ta’ Pinto, is-swar warajhom u l-laguna quddiemhom kienu joffru ambjent mill-isbaħ għall-organizzazzjoni ta’ attitivitajiet kulturali u artistiċi bħal dawk li qed jorganizza l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. “Fi żmien meta qed nimmiraw li niġbdu lejn  pajjiżna aktar turisti li jiġu għall-kultura u l-wirt storiku ta’ Malta rappreżentazzjonijiet bħal dawn kienu ta’ importanza partikolari. Dan għaliex konna qed nippromwovu l-kultura f’post storiku li nbidel biex jaqdi l-ħtiġiet ta’ Cruise Liner Passenger Terminal, li kien qed jattira lejn pajjiżna mijiet ta’ eluf ta’ viżitaturi permezz ta’ cruise liners,” sostna l-Ministru Zammit  Dimech.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Festival tas-Sajf kien ukoll mezz biex aktar Maltin japprezzaw dejjem iżjed xogħlijiet artistiċi, mużikali u kulturali. Hu qal li fi żmien meta kulħadd kien qiegħed isir aktar konxju mill-patrimonju storiku u artistiku ta’ pajjiżna, il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien qed jagħmel ħiltu biex jikkontribwixxi lejn dawn l-oqsma finanzjarjament u permezz ta’ programmi u attivatijiet.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għall-inizjattiva tiegħu u awgura li dan il-festival ikollu s-suċċess li jixraqlu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow