Left arrow Go Back

ĦIDMA BIEX TITNADDAF IŻ-ŻONA INDUSTRIJALI F’TA’ QALI

PR0884
Date Icon 14/06/2005

Sur President tal-Kummissjoni Affarijiet Kostituzzjonali

Sur President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Sinjuri Sindki
Sinjuri  

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom ta’ l-istedina biex niftaħ din il-laqgħa tal-Kummissjoni tal-Kostituzzjoni fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni.  Ir-raġuni li għaliha tlaqqgħet din il-Kummissjoni hija biex tiddiskuti l-Kostituzzjoni Ewropea u l-iżviluppi li kien hemm fil-proċess ta’ ratifikazzjoni.  

Huwa tassew unur għalija li niftaħ din il-laqgħa speċjalment għall-fatt li din hija l-ewwel darba li l-kumitat tar-Reġjuni qed jiltaqa’ f’Malta.  Għalhekk nagħtikom merħba u nittama li fil-ġejjieni nospitaw laqgħat oħra bħal dawn.  

Wiehed mill-prinċipji fundamentali tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa huwa l-prinċipju tas-sussidjarjetà. U dan huwa aspett li jinteressa b’mod partikolari lill-Kumitat tar-Reġjuni.  Skond il-Kostituzzjoni l-poteri tal-Parlamenti Nazzjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni se jissaħħu.  Il-Kumitat tar-Reġjuni, se jkollu l-poter li jibda proċeduri fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jekk jemmen li ġiet fis-seħħ xi liġi ta’ l-Unjoni Ewropea li ma tikkunsidrax id-dimesjonijiet reġjonali u lokali.  

Din hija miżura importanti fejn tidħol sussidjarjetà.  B’dan il-pass, il-Kostituzzjoni ser tkun qed tagħti leġittimità akbar lill-Kumitat tar-Reġjuni.  

Il-Kostituzzjoni Ewropea għandha l-għan li ġġib il-popli Ewropej eqreb lejn xulxin filwaqt li ssaħħaħl-iżvilupp tad-demokrazija fil-kontinent billi ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.  

Nixtieq li ltqajna f’mumenti isbaħ f’dak li għandu x’jaqsam mar-ratifikazzjoni tal-Kostituzzjoni mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.  Kulħadd x’jaf x’ġara fi Franza u l-Olanda meta fir-referenda li saru fiż-żewg pajjizi l-popli ddeċidew li jgħidu le għal din il-kostituzzjoni.  

Dan m’huwiex il-forum adatt biex wieħed joqgħod jidħol fir-raġunijiet ta’ dan ir-riżultat.  Iżda wieħed ma jistax ma jirriflettix fuq ir-riperkussjonijiet ta’ riżultat negattiv li ntwera minn żewg pajjiżi fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Huwa fatt magħruf li kull pajjiż membru jrid jirratifika l-Kostituzzjoni biex din tidħol fis-seħħ. Għalhekk il-vot ta’ Franza u l-Olanda jfisser li t-trattat kif inhu ma jistax jidħol fis-seħħ.  

Nixtieq intenni li dan ir-riżultat mhux se jaffettwa l-pjan tal-Gvern Malti li f’Lulju li ġej il-Parlament Malti jiddiskuti u jivvota dwar ir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea.  Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu li bħalissa għandu l-presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea, tenna li t-trattat tal-Kostituzzjoni għandu jitpoġġa quddiem il-ħamsa u għoxrin pajjiż.  Il-proċess ta’ ratifikazzjoni ma jistax jieqaf issa.  

Madankollu hemm bżonn ta’ diskussjoni serja fi hdan l-Unjoni Ewropea biex tanalizza l-vot Franciż u Olandiż.  L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq prinċipji demokratiċi u għalhekk kull verdett li jesprimu ċ-ċittadini tagħha għandu jiġi eżaminat bir-reqqa.  Mingħajr post-mortem serju tar-riżultati tar-referendum ser ikun diffiċli li nħarsu ’l quddiem b’serħan il-moħħ.  

Malta issa ilha membru fl-Unjoni Ewropea għal aktar minn sena.  Irid ngħid li t-tkabbir ta’ l-Unjoni tat lir-reġjuni rwol aktar f’saħħtu.  Tkabbir ekonomiku, kif ukoll opportunijiet ġodda ta’ investiment se jgħinu fit-tisħiħ ta’ suq wieħed kif ukoll jgħinu fl-iżvilupp tar-reġjuni b’mod ġenerali.  

Bħalissa tmien Kunsilli Lokali Maltin qed igawdu minn finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti fil-lokalitajiet tagħhom.  Huma qed jibbenefikaw minn programmi maħsuba biex isaħħu l-koezjoni soċjali u ekonomika fi hdan l-Unjoni Ewropea billi jippromwovu kooperazzjoni bejn u fi ħdan pajjiżi membri.  

Iżda s-sinjifikat tal-parteċipazzjoni tal-Kunsilli f’dawn il-programmi m’hijiex biss dwar il-flus li jirċievu.  Permezz ta’ din il-parteċipazzjoni dawn il-Kunsilli qed ikunu xhieda tal-ħidma tagħna lkoll fi sforz sabiex insaħħu d-demokrazija reġjonali u lokali fl-Ewropa.  

Il-Kumitat tar-Reġjuni qed jiftaħ ukoll tieqa ta’ opportunità lill-kunsilliera Maltin li jiltaqgħu u jaqsmu ħsibijiet ma’ sħabhom fl-Ewropa, b’mod li għalkemm ġejjin minn gżira ma jkunux insulari. Bis-saħħa tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta , ankrata fl-Ewropa, tidher fuq il-mappa politika b’mod iktar qawwi. 

Għal darb’oħra nirringrazzjakom ta’ l-istedina tal-lum, filwaqt li nawguralkom xogħol fejjiedi f’din il-laqgħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow