Left arrow Go Back

KONSULENZI: L-ISKANDLU F’MOĦĦ IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI

PR0881
Date Icon 14/06/2005

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant il-Ħadd ikkritika fost oħrajn lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni għax matul is-sena 2004 nefaq madwar Lm570,000 f’servizzi ta’ konsulenza. Fil-fehma ta’ l-Onor. Sant, dawn kienu nfieq li “ma jurix serjetà u hu tberbiq kbir”.

B’dan id-diskors tingħata l-impressjoni li dawn il-flus intefqu kapriċċ ta’ xi ħadd u li nħlew fil-vojt.  

Il-Gvern juża konsulenti esterni għall-Gvern meta jkollu bżonn kompetenzi fuq bażi okkażjonali; u jkunlu orħos li jixtri servizzi ta’ konsulenza minn barra l-Gvern milli li jipprova jimpjega l-ħin kollu dik it-tip ta’ konsulenza.  

Tajjeb tingħata idea ċara ta’ f’hiex intefqu l-flus li qed jikkritika Dr. Alfred Sant u x’inhu li fil-fehma tiegħu hu ‘tberbiq’. Irid jinftiehem li s-sors ta’ l-informazzjoni tal-Kap ta’ l-Oppozizzjoni huwa  t-tweġiba li ta l-Ministru Austin Gatt nhar is-7 ta’ Frar 2005, għal domanda parlamentari numru 10,595  li staqsiet l-istess Oppożizzjoni. Dik it-tweġiba tat id-dettalji li jsegwu u li Dr. Alfred Sant konvenjentement injora.  

Din il-lista turi f’hiex intefqu l-ammonti li kkritika Dr. Alfred Sant:  

·     Disinji u proċess ta’ għażla għall-bini ta’ impjanti ta’ l-ipproċessar tad-drenaġġ qabel jintefa’ l-baħar fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Malta u f’Għawdex; u flimkien magħhom it-tħejjija ta’ master plan dwar id-drenaġġ: Lm255,068;  

·     Tħejjija tal-privatizzazzjoni tat-taqsima tal-petroleum u tar-ristrutturar tal-bqija tal-Korporazzjoni Enemalta: Lm113,597;

·     Studji dwar impjant ġdid għall-ibbottiljar taċ-ċilindri tal-gass minflok l-impjant li hemm illum fil-Qajjenza: Lm41,329;  

·     Servizzi ta’ promozzjoni ta’ Malta bħala post fejn isir l-investiment barrani: Lm25,735;  

·     Studju dwar titjib fit-tmexxija tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma: Lm24,780 (magħmul minn u mħallas lill-MIMCOL li hi kumpanija kollha kemm hi tal-Gvern);  

·     Studji li jsiru regolarment biex jivverifikaw li l-impjanti ta’ l-Enemalta jżommu l-livelli ta’ kwalità u sigurtà: Lm12,351;  

·     Studju biex tiġi evalwata l-possibilità li nimpurtaw il-gass naturali għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku: Lm11,004;  

·     Spezzjonijiet fuq it-tankijiet li jaħżnu ż-żjut Ħas Saptan biex ikun assigurat li ma jkunx hemm periklu jew ħsara lill-ambjent: Lm8,619.  

Dawn bejniethom jammontaw għal 85% ta’ l-infieq kollu li sar f’konsulenzi. Ikun tajjeb li l-Onor. Alfred Sant jgħid pubblikament liema nfieq minn dawn ma kienx jippermetti li jsir kieku kien Prim Ministru: 

·     kienx jordna li ma jimbnewx impjanti ġodda tad-drenaġġ;

·     kienx jordna li l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ma jiġux ristrutturati;

·     kienx jordna li Malta ma tibqax tiġi promossa bħala post fejn jista’ jsir l-investiment;

·     kienx iwaqqaf l-ispezzjonijiet regolari fil-power stations u fl-impjanti tat-tqassim taż-żjut; jew

·     kienx iwaqqaf kull kunsiderazzjoni t’alternattivi għad-dipendenza tagħna fuq iż-żjut importati 

Inċidentalment mill-15% l-oħra f’konsulenzi, 2.3% intefqu f’servizzi legali speċjalizzati; 1.3% intefqu fuq konsulenza dwar taxxa; 0.6% intefqu fuq konsulenza dwar investiment fit-teknoloġija; u 0.57% intefqu fuq servizzi ta’ inġinerija speċjalizzata.  

L-Onor. Alfred Sant għandu jgħid liema minn dan l-infieq li huwa ħela u tberbiq.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow