DISKORS TA’ L-ONOR. ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAS-“SETTE GIUGNO” – MISRAĦ SAN ĠORĠ, VALLETTA
Il-kommemorazzjoni tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom kull sena għandhom iqanqlu f’qalbna u f’moħħna sentimenti patrijottiċi għal dak li twettaq bit-tixrid tad-demm 86 sena ilu. Kull sena nibqgħu niftakru dawn il-ġrajjiet ta' kif erba’ min-nies taw ħajjithom għal-liberta' ta' pajjiżna. Kienu nies sempliċi, ħaddiema onesti, bla pretensjoni ta' xejn li sabu rwieħhom f'inċidenti li matulhom ħin bla waqt tilfu ħajjithom. Isimhom għandu jibqa’ jissemma fostna lkoll.
Manwel Attard u l-Għawdxi Ġużeppi Bajada ntlaqtu fi Strada Forni. Wenzu Dyer waqa' proprju hawn fil-pjazza ta' quddiem il-Palazz, li jsejħulha l-Main Guard.
Karmenu Abela li safa ferut bil-bajunetti quddiem it-Teatru Rjal miet ftit ġranet wara fl-isptar kawża tal-feriti li sofra proprju fis-7 ta' Ġunju, meta fil-fatt inqatlu t-tlieta l-oħra.
Nistgħu ngħidu li din l-istorja, li laħqet il-quċċata tagħha fis-7 ta' Ġunju 1919, kellha sehem dirett fl-ewwel passi effettivi li saru għall-avvanz kostituzzjonali ta' pajjiżna. Għaliex f'dak il-jum stess li l-erba’ Maltin ħallsu b'ħajjithom, fl-istess ħin kienu qed jiltaqgħu grupp ta’ nies miġbura f’assemblea nazzjonali sabiex jifformolaw id-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin. Din il-laqgħa kellha tiġi aġġornata. Għalhekk iż-żewġ ġrajjiet huma marbutin flimkien għal dejjem. Sfortunatament kellu jkun it-tixrid tad-demm li ta dik il-forza qawwija lill-aspirazzjonijiet nazzjonali li fl-1921 wasslu biex ikollna l-ewwel Assemblea Leġislattiva eletta mill-poplu Malti u Għawdxi.
Ma ninsewx li l-ġrajjiet tas-Sette Giugno kienu qed jirrispondu wkoll għall-karba ta' kunsiderazzjonijiet soċjali. Is-setturi kollha tal-poplu kienu mxebbgħin u mtaqqlin bil-kriżi ekonomika, soċjali u politika li kienet qed tifni ’l Malta wara li ntemmet il-Gwerra l-Kbira li matulha Malta kienet tat sehem hekk kbir li saħansitra kienet saret magħrufa bħala "The Nurse of the Mediterranean."
Għaldaqstant il-ġrajjiet tas-Sette Giugno kienu l-espressjoni tas-sentimenti li kien ilhom ibaqbqu fil-qalb tal-poplu Malti. Dan huwa il-veru sinifikat ta' ġrajja li għadda ħafna żmien minn fuqha u li wieħed jibqa’ jittama li għadha u li tibqa’ f'moħħ il-poplu. Hemm min jistaqsi: Illum wara dawn is-snin kollha għad hemm lok għal din il-kommemorazzjoni? Għad hemm il-bżonn illi nieqfu kollha kemm aħna u f'dan il-jum ta' riflessjoni nerġgħu nfakkru dawn il-ġrajjiet demmija? Fil-fehma tiegħi r-risposta hija waħda u kategorika. IVA.
Għalkemm illum id-dinja m’għadhiex li kienet. Min kien jaħkimna huwa ħabib, anzi seħibna fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-kommemorazzjoni li kull sena nagħmlu ma għandhiex l-iskop li ninkriminaw, nitfgħu xi tort fuq xi ħadd. Li rridu huwa li nfakkru u nfaħħru l-patrijottiżmu ta' dawk il-Maltin u l-Għawdxi li tant snin ilu ħallew ħajjithom f'din il-pjazza u t-triqat tal-madwar. Irridu nfakkru dak li writna permezz tas-sagrifiċċju estrem ta' dawk l-erba’ ħutna. U dan nagħmluh b’sens qawwi ta’ dover .
In fatti kull settur tas-soċjeta' moderna tagħna għandu għax ikun kburi u rikonoxxenti għal dak li nkiseb matul l-għexieren ta' snin li għaddew minn dak iż-żmien 'l hawn. Għall-Parlament tagħna hija kommemorazzjoni ta' ġrajjiet li taw bidu għall-ewwel Assemblea Leġislattiva li twaqqfet f'Malta. Għalhekk kien xieraq ħafna li l-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno tiġi dedikata għall-organu awtentiku ta’ l-espressjoni demokratika ta' Malta , u cioe’ l-Parlament.
Għaliex il-Parlament tagħna huwa mnissel fid-demm tal-vittmi tas-Sette Giugno u jinsab kburi li rnexxielu jespandi u jiffjorixxi matul l-84 sena li ilu jeżisti. Kienu snin fejn għadda minn ħajja mqallba, meta mhux darba jew tnejn safa sieket hekk kif minn żmien għal ieħor il-Kostituzzjoni ġiet sospiża u s-sala tal-Parlament waqgħet fil-muta u tbattlet ġieli anki għal snin sħaħ. Meta l-Kostituzzjoni kienet tingħata lura, il-Parlament tagħna kien jerġa’ jieħu postu u jsemma’ leħnu. Il-partiti politici Maltin kienu jerġgħu jieħdu vitalita' u enerġija mġedda meta jerġa’ jiftaħ il-Parlament. Kien jirrifletti b'determinazzjoni l-ideal tal-liberta' politika li kien iħeġġeġ f'qalb il-poplu.
Nistgħu ngħidu li l-Parlament tal-lum huwa fil-fatt fil-fażi bikrija tat-tielet ġenerazzjoni tiegħu. L-ewwel ġenerazzjoni kienet dik li mill-ewwel inawgurazzjoni fl-1921 wasslitu sa l-1964/74 meta ksibna l-Indipendenza u sirna Repubblika. It-tieni ġenerazzjoni hija bejn dak il-perjodu u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Illum, kif għidt, bdejna t-tielet ġenerazzjoni tal-Parlament Nazzjonali. Għadna kemm bdejna proprju t-tieni sena ta' din il-ġenerazzjoni. Illum tinħass ħtieġa dejjem akbar li l-Parlament Malti jkollu strutturi effiċjenti li jsostnu l-ħidma speċjalizzata tal-parlamentari Maltin. Ir-rwol ġdid tal-Parlament tagħna nistgħu ngħidu li qed jiġi definit u jinsab f'fażi formattiva. Nemmen li bħalma ġara fl-imgħoddi l-Parlament kapaċi jilqa’ għall-isfidi ġodda li r-rwol tiegħu qed jippreżentalu u l-istess maturita' tal-parlamentari tagħna għandha tippreparahom sewwa għat-tibdiliet neċessarji biex nimxu maż-żminijiet.
Fil-verita’ ilu jinħass il-bżonn ta’ riformi fil-ħidma tal-Parlament, għad li maż-żmien saru tibdiliet, ewlenija fosthom l-introduzzjoni ta' sitt kumitati permanenti għaxar snin ilu li nistgħu ngħidu li huma r-roti li jdawru x-xogħol tal-Parlament. Ċertament li l-operat ta' dawn il-Kumitati jrid ikompli jissaħħaħ b'appoġġ sħiħ fil-laqgħat tagħhom u bejn laqgħa u oħra. Irridu naraw li l-Kumitati tal-Parlament jilħqu l-livelli u l-istatus li jixirqilhom bl-impenn mistenni, sostnut b’servizzi adegwati.
Ir-rwol ġdid li ngħata l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej li jiskrutina d-dokumenti kollha ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll diskussjonijiet bħal dik li għaddejja fil-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali fuq il-Bioteknoloġija f’Malta u d-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rwol tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li jgħasses il-kontabilita’ fil-qasam pubbliku fil-pajjiż u l-kontribut siewi li jagħti l-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi, biex ma nsemmix ix-xogħol utli tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq dak multilaterali, komplew iżidu r-responsabbilta’ u l-pressjoni fuq il-Membri tal-Parlament. Dan kollu jitlob għal tmexxija aġġornata tal-Parlament li issa saret, fil-fehma tiegħi, waħda urġenti u jekk ma niċċaqalqux fuqha, ix-xogħol parlamentari jiġi affettwat ħażin.
Għaliex illum iktar minn qatt qabel, id-dimensjoni internazzjonali tal-Parlament Malti hija waħda rilevanti u allura teżisti l-ħtieġa li tiġi aktar u aktar sostnuta. Id-diplomazija parlamentari, bi skambji regolari, bi bdil ta' esperjenzi u ideat, issostni b'mod mill-aktar konkret u sinifikattiv id-demokrazija parlamentari. Il-Parlament tagħna jibqa’ kommess illi fis-snin li ġejjin ikompli jaħdem fuq din it-triq.
F'dan il-kuntest il-Parlament għandu missjoni x'jaqdi. Is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea għabbietna b'responsabilitajiet u obbligi illi ma nistgħux ninjorawhom. Fuq kollox l-inizjattivi li qed jieħu l-Parlament tagħna kemm f’livell bilaterali kif ukoll f'livell multilaterali iridu jibqgħu jissaħħu.
Illum nafu li entitajiet li huma responsabbli lejn il-Parlament u jirrapportaw lilu, bħalma huma l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman u dak ta’ l-Awditur Ġenerali, huma kompletament awtonomi waqt li l-amministrazzjoni fil-Parlament nazzjonali hija dipendenti mis-servizz pubbliku. Din hija anomalija li jinħtieġ li tiġi rranġata. Ħarsa lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u oltre, fis turik illi l-awtonomija tal-parlament nazzjonali hija kompletament assigurata sabiex tgħinu jaqdi bla xkiel u bi trasparenza d-dmirijiet tiegħu.
Għalhekk hemm il-bżonn li jiġi stabbilit Servizz Parlamentari awtonomu mis-servizz pubbliku kif nafuh illum. Dan is-servizz ikun responsabbli biex jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-Parlament ħalli dan jaqdi aħjar il-funzjonijiet tiegħu. Trid tkun imsaħħa l-awtonomija li jgawdi l-Uffiċċju ta' l-Iskrivan biex b'hekk is-servizz parlamentari jinsilet kompletament minn dak pubbliku. B’dan il-mod id-distinzjoni bejn Parlament u Eżekuttiv toħroġ iktar ċara.
Għaldaqstant tlabt li jitħejja rapport fuq is-suġġett kif ukoll abbozz ta’ liġi li twaqqaf Servizz Parlamentari proprju bl-għan li l-Parlament tagħna jikseb l-awtonomija tiegħu bla aktar telf ta’ żmien. Nemmen li idealment dan is-Servizz Parlamentari għandu jirrapporta lil wieħed mill-Kumitati Permanenti tal-Kamra tad-Deputati. B’dan il-mod il-Parlament tagħna jkun liberu fit-tmexxija ta' l-operazzjonijiet amministrattivi u loġistiċi tiegħu u hekk ikun jista’ jaqdi aħjar ir-rwol tiegħu kif definit fil-Kostituzzjoni u fl-istess Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.
Hawnhekk infakkar f’dak li ili ngħid għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri li l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra jeħtieġ li jiġu riveduti. F’dan il-kontest nistenna l-koperazzjoni u l-kollaborazzjoni ta’ kull min hu kkonċernat. Nistaqsi wkoll jekk wasalx iż-żmien li d-Deputati tal-Parlament Malti jkunu dedikati kompletament u unikament għax-xogħol parlamentari, bħalma huma sħabhom fil-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea u oħrajn.
Naturalment biex dan kollu jkun jista’ jsir, irid ikun hemm qbil sħiħ bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra għax it-tibdil propost għandu jkollu appoġġ wiesa’ u sħiħ.
Il-Parlament tagħna, hekk kif dieħel fit-tielet ġenerazzjoni tiegħu ma jistax ma jiċċaqlaqx għax inkella jiffossilizza ruħu u ma jkunx jirrispondi għall-isfidi tal-lum u ta' għada. Il-ġrajjiet tas-Sette Giugno li qed nikkommemoraw l-anniversarju tagħhom illum jistidnuna biex kull meta jkun hemm bżonn inħarsu b'mod kritiku lejn l-istituzzjonijiet tagħna, inkluż l-organi legislattivi li minnhom tiddependi l-ħajja tad-demokrazija parlamentari ta' pajjiżna. Jistidnuna biex fejn hemm bżonn ta' tibdil ma niddejqux u ma nibżgħux inwettquh. Ninsab konvint illi meta jiġu biex jitwettqu r-riformi meħtieġa, il-Parlament tagħna jsib il-koperazzjoni ta' kulħadd.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946