Left arrow Go Back

TWEĠIBA GĦALL-KUMMENTI TA’ OPPOŻIZZJONI DWAR IS-SEA MALTA U L-INTERPRINT

PR0835
Date Icon 06/06/2005

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant għadda ħafna kummenti fuq is-Sea Malta u l-Interprint li jeħtieġu korrezzjoni.

Minn nhar is-Sibt, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qabad argument li l-Gvern kellu aktar minn offerta waħda għas-Sea Malta .  Dan m’hux miċħud, iżda l-Onor. Alfred Sant għadu ma qalx għalfejn jidhirlu li din l-osservazzjoni li għamel għandha xi rilevanza.

Il-kronoloġija tal-fatti hi kif ġejja:

15 ta’ Settembru 2004: Wara sejħa pubblika għall-offerti, it-Taqsima tal-Privatizzazzjoni tal-Gvern irċeviet żewġ offerti għax-xiri tas-Sea Malta .

7 t’Ottubru 2004: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni kellha parir legali li ż-żewġ sottomissjonijiet li saru ma kinux skond dak li pprovdiet is-sejħa għall-proposti u allura l-proċess oriġinali kellu jitwaqqaf.

26 t’Ottubru 2004: Il-Gvern ikkomunika liż-żewġ offerenti d-deċiżjoni tiegħu iżda ikkonferma wkoll li kien lest jiddiskuti magħhom it-tnejn il-possibbiltà ta’ bejgħ ta’ ishma li għandu l-Gvern fis-Sea Malta.

4 ta’ Novembru 2004: Bdew in-negozjati ma’ wieħed mill-offerenti, liema negozjati għadhom għaddejjin u llum jinsabu fil-fażi finali.

10 ta’ Novembru 2004: Bdew in-negozjati wkoll ma’ l-offerent l-ieħor.

19 ta’ Novembru 2004: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni tat parir lill-Gvern li minħabba kif jitqabblu ż-żewġ offerti, kellhom jitkomplew id-diskussjonijiet biss ma’ offerent wieħed.  Mhux veru li l-Gvern injora l-offerta li ma tkomplewx negozjati magħha.  Li hu veru hu li l-Gvern kompla d-diskussjonijiet ma’ l-offerent bl-aħjar offerta.

22 ta’ Frar 2005: It-Taqsima tal-Privatizzazzjoni ikkomunikat ma’ l-offerent li ma rnexxiex li kienu ser jitkomplew negozjati ma’ l-offerent l-ieħor biss.

Hu misterjuz x’jara skandaluż f’dan kollu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Ċertament kien ikun fl-interess nazzjonali li l-iskrutinju ta’ proċess bħal dan ma jsirx f’nofsu b’diskorsi fil-pjazza kif għamel l-Onor. Alfred Sant il-bierah, iżda fi tmiemu bl-istituzzjonijiet ta’ skrutinju li huma fil-kontroll ta’ l-Oppożizzjoni, bħall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.  Iżda mill-ġdid jidher li ghall-Oppozizzjoni, l-interess nazzjonali mhux kunsiderazzjoni valida.

Dwar l-Interprint, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jsaqsi għalfejn hu issa ż-żmien li l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf l-operat tagħha u mhux qabel.  Il-Gvern spjega u jerġa’ jispjega li qabel iddeċieda li jtemm l-operat tagħha, ipprova kemm-il darba jbiegħha biex kieku seta’ jkun, l-impjiegi ta’ l-impjegati tagħha – jew uħud minnhom – ikunu salvati.

Fl-1994, fl-1995 u fl-2001 kienu diġà saru tliet tentattivi biex il-kumpannija jinstagħbulha sidien privati, liema tentattivi ma ħallew ebda frott.

Fid-dawl tal-politika tiegħu li ma jiħux post l-inizjattiva u l-investiment privat kif ukoll minħabba li s-settur ta’ l-istampar Malti jimpjega mijiet ta’ ħaddiema, il-Gvern iddeċieda wkoll li ma għandux jiddiversifika l-operat ta’ l-Interprint biex tibda tuża finanzjament pubbliku biex tikkompeti mas-settur privat.

L-aħħar tentattiv għall-privatizzazzjoni permezz ta’ sejħa internazzjonali għall-offerti bejn Frar u April 2005 falla wkoll. Is-sejħa kienet segwita b’mod aggressiv mill-Privatisation Unit tal-Gvern li kkomunika direttament ma’ investituri lokali u internazzjonali li potenzjalment setgħu ikunu interessati f’din l-azjenda.   Meta għalaq iż-żmien ta’ l-offerti, ma saritx offerta waħda ħlief għal offerta ta’ xi ħadd li ried jixtri l-makkinarju.

Kien ċar għalhekk li kien wasal iż-żmien li tittieħed id-deċiżjoni iebsa, iżda inevitabbli, li tiġi abbandunata r-rotta tal-privatizzazzjoni li għal 11-il sena ma ħallietx frott, u minflok l-Interprint titwaqqaf milli topera.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow