KAMPJONAT EWROPEW TAL-KARATE
Il-Ministru Louis Galea, responsabbli mill-isport inawgura s-26 edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej tal-Karate Tradizzjonali (Traditional Karate) li qed isiru fil-kumpless sportiv tal-Kottonera f’dawn il-jiem. Għal dawn il-kampjonati f’pajjiżna hawn atleti u uffiċjali minn 21 pajjiż Ewropew u b’kollox hawn mat-340 atleta jipparteċipaw. Din hi l-ewwel darba li qed isiru dawn il-kampjonati f’pajjiżna u dan kien possibbli bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-iSport u l-Gvern Malti. Bħala parti minn dawn il-kampjonati qed jiġi organizzat kors internazzjonali għar-referees tal-Karate Tradizzjonali.
F’dawn l-aħħar snin il-Karate Tradizzjonali żviluppa bħala sport globali. L-arti antika tal-ġlied Ġappuniż ġiet żviluppata f’dixxiplina sportiva mis-Sensei Hidetaka Nishiyama li ddedika ħajjtu għal dan l-isport. Fil-fatt is-Sensei Hidetaka Nishiyama jinsab Malta għal dawn il-kampjonati.
F’Malta il-Karate Tradizzjonali kien iddaħħal mis-Sur Franco Azzopardi li fil-preżent hu l-President tal-Kunsill Malti għall-iSport. Hu introduċa dan l-isport fl-aħħar tat-tmeninijiet u tul iż-żmien okkupa l-kariga ta’ president tal-Federazzjoni Lokali tal-Karate Tradizzjonali u għadu jagħti l-kontribut tiegħu bħala direttur tekniku f’dan l-isport. Is-Sur Azzopardi rrappreżenta lil Malta fil-Karate Tradizzjonali diversi drabi fejn anke poġġa lil Malta ma’ l-aqwa sitt pajjiżi fid-dinja. Hu kien kowċ taċ-Champion Ewropew għas-sena 2001 Omar Azzopardi u ta’ Iden Azzopardi li spiċċa fit-tieni post.
Waqt il-ftuħ tal-Kampjonati l-Ministru Galea faħħar lill-organizzaturi Maltin, immexxija mis-Sur Iden Azzopardi li ssagrifika l-parteċipazzjoni tiegħu biex ikun jista’ jieħu ħsieb it-tmexxija tagħhom, għall-mod kif qed jiġu organizzati dawn il-kampjonati ta’ livell Ewropew b’parteċipazzjoni hekk kbira u wiesgħa. Hu qal li l-faċilitajiet u l-klima li joffri pajjiżna huma attraenti ħafna għall-atleti barranin kemm għat-taħriġ kif ukoll biex jikkompetu. Hu temm jawgra lill-Kontinġent Malti biex f’dawn il-kampjonati jagħmlu l-almu tagħhom u jkomplu jgħollu l-livell u l-valuri ta’ l-isport.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946