KAMPANJA TAT-TINDIF TA’ QIEGĦ IL-BAĦAR F’BAJJIET F’GĦAWDEX U KEMMUNA
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Ministeru għal Għawdex qed iniedi programm ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar fl-aktar bajjiet popolari f’Għawdex u f’Kemmuna.
Ħdax-il bajja f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna ser jiġu mnaddfa kontinwament matul is-sajf li ġej minn għaddasa tal-fergħa ta’ Għawdex tar-Red Cross u mill-Victoria Scouts Group.
Ammonti kbar ta’ materjal u skart ittellgħu mill-bajjiet fil-kampanji tas-snin li għaddew u kien għalhekk li ġie deċiż li din il-kampanja tibqa’ ssir kull sena.
Waqt li tat bidu għall-kampanja ta’ din is-sena, li ġiet imnedija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ambjent, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li din il-kampanja mhux biss tnaddaf qiegħ il-baħar tal-bajjiet l-aktar popolari u tagħmilhom aktar attraenti għall-għawwiema u l-għaddasa, imma wkoll għandha għan edukattiv għaliex toħloq kuxjenza fost il-pubbliku biex jirrispetta aktar l-ambjent. Il-Ministru Debono qalet li fl-aħħar mill-aħħar, minn ambjent nadif igawdi kulħadd mhux biss dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom direttament mit-turiżmu imma wkoll dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha li jfittxu l-baħar tagħna għar-rilassament.
Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-voluntiera tar-Red Cross u tal-Victoria Scout Group li bħas-snin l-imgħoddija ser ikunu responsabbli minn din l-inizjattiva.
Din il-kampanja tiġi fi tmiemha f’nofs Settembru.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946