Left arrow Go Back

TIFTAĦ IR-RABA’ EDIZZJONI TAL-GOZO TRADE FAIR

PR0822
Date Icon 04/06/2005

Ir-raba’ edizzjoni tal-fiera kummerċjali t’Għawdex, organizzata kull sena mill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex (Gozo Business Chamber), infetħet uffiċjalment mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, illum is-Sibt 4 ta’ Ġunju.

F’din l-edizzjoni tal-fiera qed jieħdu sehem 40 parteċipant mqassma f’madwar 50 stand u, għat-tieni sena konsekuttiva, bis-sehem ta’ esibituri barranin.  

F’diskors ta’ l-okkażjoni, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex tkellmet dwar ir-realtajiet differenti li ħakmu lis-suq tax-xogħol fil-gżira t’Għawdex u l-ħtieġa li l-intrapriżi Għawdxin jegħlbu l-isfidi tal-kompetizzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fejn tidħol il-kwalita’ tal-prodotti jew servizzi offruti. Il-Ministru Debono spjegat dwar l-iskemi u korsijiet differenti li se jsiru f’Għawdex permezz tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea għal Għawdex, li jindirizzaw b’mod dirett is-suq tax-xogħol u l-intrapriżi żgħar u medji Għawdxin.  

Il-Ministru Debono rreferiet b’mod partikolari għall-iskema tal-gradwati, li kienet ġiet imnedija iktar kmieni din is-sena, u li llum qiegħda fis-seħħ. Permezz ta’ din l-iskema numru ta’ gradwati u kumpaniji Għawdxin ibbenefikaw minn għajnuna diretta biex ikomplu jmexxu ’l quddiem in-negozju f’Għawdex. Skemi oħra jindirizzaw it-twaqqif ta’ negozji ġodda kif ukoll taħriġ marbut ma’ l-informatika. Permezz ta’ l-istess fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed iħejji numru ta’ korsijiet f’oqsma differenti sabiex il-ħaddiem Għawdxi jkollu ħiliet ġodda u allura jippermettulu jkun iktar kompetittiv fis-suq tax-xogħol.  

Marbut mat-tema ta’ l-edukazzjoni u x-xogħol, il-Ministru Debono tkellmet dwar il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala fejn hawnhekk ser jitwaqqfu strutturi ġodda li jippermettu taħriġ iktar wiesa’ lill-ħaddiema fil-qasam tal-catering u t-turiżmu. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-proġett tat-tkabbir taċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri fejn, minbarra li se jiġu offruti korsijiet ġodda fl-artiġġjanat, se jitwaqqaf ukoll Ċentru ta’ l-Iżvilupp ta’ l-Artiġġjanat b’għajnuna diretta għal min jixtieq iwaqqaf negozju f’dan il-qasam. Dawn iż-żewġ proġetti wkoll ser isiru permezz tal-ko-finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea, u flimkien jinvolvu l-investiment ta’ madwar żewġ miljun Ewro.  

Il-Ministru Debono tkellmet ukoll dwar it-tfassil tal-Pjan għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għal Għawdex 2005-2010, li bħalissa jinsab fil-fażi ta’ diskussjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali Għawdxin, fosthom il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex. Dawn iż-żewġ għaqdiet qed jagħtu s-sehem tagħhom ukoll fil-Kunsill għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali li reġa’ waqqaf il-Ministeru għal Għawdex iktar kmieni din is-sena, bil-għan li jikkordina aħjar il-ħidma bejn l-edukaturi u s-suq tax-xogħol. Il-Ministru Debono appellat għal iktar ħidma mill-istess suq tax-xogħol sabiex jidentifika l-bżonnijiet tiegħu fit-tul sabiex l-istudenti Għawdxin jiġu verament ippreparati għall-ħtiġijiet futuri fil-qasam tax-xogħol.  

Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ta’ l-impenn kontinwu li tieħu matul is-sena, inkluż l-organizzazzjoni ta’ din ir-raba’ edizzjoni tal-fiera kummerċjali annwali t’Għawdex.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow