HIDMA INTENSIVA FIL-QASAM AMBJENTALI GHAL KWALITA' TA' HAJJA AHJAR
“L-ambjent huwa wieħed mit-tlett prijoritajiet ewlenin tal-Gvern, għaliex nemmu li kwalita’ ta’ ħajja aħjar nistgħu ngawduha mhux biss jekk niġġeneraw aktar ġid imma wkoll jekk nibżgħu għall-saħħitna permezz ta’ ambjent u arja nadifa u facilitajiet tajbin ta’ separazzjoni, trattament u mmaniġġjar ta’ l-iskart. Jidher b’mod ċar li l-messaġġ u l-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’dan il-qasam qed iħallu l-frott, anki jekk dan hu qasam li huwa diffiċli peress li jinvolvi element qawwi ta’ edukazzjoni u tibdil ta’ mentalitajiet…u biex dawn jitwettqu jeħtieġu medda ta’ snin.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta’ llum Iltaqa’ mal-ġurnalisti fil-laqgħa regolari tiegħu magħhom fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Prim Ministru ħa l-okkażżjoni mill-fatt li għada jiġi ċċelebrat Jum l-Ambjent sabiex jirrimarka fuq ir-riżultati li qed jinkisbu u l-programmi li qed jitwettqu mill-Gvern f’dan il-qasam.
Riżultati pożittivi qed jiġu rreġistrati f’dak li għandu x’jaqsam mas-separazzjoni ta’ l-iskart. Il-‘Bring-In Sites’ issa żdiedu minn 25 fl-2004 għal 68 fl-2005, filwaqt li l-ammont ta’ skart miġbur żdied minn 77,000-il kilo f’Marzu tal-2004, għal 139,000-il kilo f’Marzu ta’ din is-sena.
Anki l-miżuri tal-Gvern li ħa favur l-ambjent jidher li qed ikollom ir-riżultati mixtieqa għall-Gvern. “Dan huwa kkonfermat mill-fatt li qed jiġi rreġistrat tnaqqis sostanzjali fil-konsum ta’ basktijiet u boroż tal-plastik minn fuq is-suq. Fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika nnota tnaqqis ta’ 5-Miljun unit tal-plastik meta mqabbel ma’ l-istess perijodu s-sena l-oħra. Dan ifisser li, jekk din ix-xejra tibqa’ tinżamm għall-kumplament tas-sena, il-pajjiż ikun iffranka madwar 20-Miljun unit tal-plastik u għalhekk ikun tnaqqas il-konsum tal-basktijiet u boroż tal-plastic b’40%. Dan hu dak li mmira għalih il-Gvern u naħseb li dawn il-figuri juru kemm konna korretti fil-politika tagħna f’dan is-settur.”
Il-Prim Ministru rrefera għall-fatt li pajjiżna jiffaċċja sfidi partikolari fil-qasam tal-ambjent u dan minħabba d-densita’ qawwija tiegħu. Biss biss, fl-2004 ġie stmat li f’pajjiżna jgħixu 1,274-il persuna kull kilometru kwadru. Barra minn dan, hawn 67 karozza għal kull 100 persuna, filwaqt li kull persuna jiġġenera madwar nofs tunnellata skart (domestiku) fis-sena. “Dawn huma sfidi partikolari ħafna ta’ gżira żgħira, u huwa għalhekk li l-Gvern jemmen li jekk verament il-poplu Malti jrid igawdi kwalita’ ta’ ħajja aħjar, hemm bżonn li ninvestu b’mod aktar qawwi fil-qasam ambjentali.”
Matul din is-sena għaddejjin numru ġmielu ta’ proġetti fil-qasam ambjentali, li jistgħu jitwettqu biss bl-għajnuna tal-fondi mill-Unjoni Ewropea. B’kollox, sal-2007 ser ikunu ntefqu mat-28Miljun Ewro fi proġetti ta’ tisħiħ ambjentali minbarra proġetti oħra bħalma huma 10 proġetti oħra mmaniġġjati mill-MEPA li ngħataw maż-żewġ Miljun Ewro oħra.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-WasteServ Malta Ltd. iffinalizzat arranġament ma’ kumpanija internazzjonali sabiex tesporta 50 tunellata ta’ batteriji wżati biex jigu trattati f’impjanti barra minnMalta . Dawn il-batteriji jiffurmaw parti minn skema li għandu l-Gvern sabiex jiġbor batteriji wżati. Medja ta’ tunellata ta’ batteriji jinġabru kull xahar minn skejjel, kunsilli u ħwienet. L-eko-kontribuzzjoni għamlitha possibbli li dawn il-batteriji jiġu esportati lejn Franza. L-ispiża tlaħħaq għal elf lira kull tunellata u dan ma jinkludix il-ġbir u l-ħażna ta’ dawn il-prodotti wżati. Huwa maħsub li l-kunsenja titlaq minn Malta madwar tlett xhur oħra wara li tkun iffinalizzata d-dokumentazzjoni kollha.
“Il-lista’ ta’ proġetti li qed jitwettqu u li jirrigwardaw l-ambjent hija lista twila ħafna. It-titjib tas-sistemi tad-drenaġġ, il-monitoraġġ ta’ l-arja, il-ħarsien tal-wirt storiku u tal-pajsaġġ Malti, is-separazzjoni u t-trattament ta’ l-iskart, il-projbizzjoni tat-tipjip f’postijiet pubbliċi, it-tibdil tal-inċineraturi ta’ l-Isptar San Luqa kif wkoll dak ġewwa Għawdex, huma kollha proġetti li jkomplu jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja li lkoll nixtiequ ngawdu.”
“Huwa mportanti madankollu, li nibżgħu għal dak li għandna. Mhux aċċettabbli li fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-Gvern ġabar mas-6700 tunellata ta’ skart mormi illegalment, filwaqt li tneħħew mal-1600 tabella mwaħħla illegalment f’toroq arterjali. Huma dawn l-affarijiet li jagħtu lil pajjiżna l-impressjoni ta’ telqa u ta’ ħmieġ u dan hemm bżonn li jieqaf! Fil-ħmistax li ġejjin il-Kabinett ser ikun qed jiddiskuti r-regolamenti finali li jimponu penali b’saħħithom għal min jinqabad jarmi l-iskart b’mod illegali. Huwa minnu li domna ftit sakemm iffinalizzajna dawn ir-regolamenti, imma kien hemm bżonn diskussjonijiet wiesgħa ma’ numru ta’ stakeholders u nisperaw li nħabbruhom fil-ġranet li ġejjin.”
Il-Prim Ministru ħabbar wkoll li fi żmien qasir, il-Gvern ser ikun ikkonkluda t-tfassil tal-policyneċessarja biex inkunu nistgħu invaraw proġetti kbar ta’ reklamazzjoni ta’ art mill-baħar u l-ħolqien ta’ gżejjer artifiċjali permezz ta’ użu aħjar ta’ l-iskart tal-kostruzzjoni.
Wara l-laqgħa, l-Prim Ministru stieden lill-ġuranlisti preżenti sabiex jakkumpanjawh fi żjara fil-faċilita’ temporanja taż-Żwejra.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946