MIĠBURA ’L FUQ MINN 7,000 TUNNELLATA TA’ SKART MORMI B’MOD ILLEGALI F’WIDIEN, ŻONI INDUSTRIJALI U TOROQ ATERJALI FL-EWWEL 5 XHUR TAS-SENA
Aktar minn 7,000 tunellata ta’ skart mormi b’mod illegali nġabru fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena mid-Dipartiment għas-Servizzi ta’ l-Indafa fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan l-iskart inġabar minn widien, żoni ndustrijali u toroq arterjali. L-ispiża biex dan l-iskart jinġabar tlaħħaq ‘l fuq minn Lm200,000.
Dan sostnieh il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’Ħal-Far. Hawnhekk, qed jiġi esegwit eżerċizju ntensiv ta’ tindif fuq medda kbira ta’ art li ddawwar il-fabbriki li jinsabu f’din iż-żona ndustrijali. Dan is-sit prattikament inbidel f’miżbla ta’ kull tip ta’ skart. Il-Ministru Ninu Zammit tenna li l-ammont konsiderevoli ta’ kull tip ta’ skart li jiġi mormi f’widien, żoni industrijali u toroq arterjali juri n-nuqqas ta’ rispett lejn pajjiżna minn nies irresponsabbli.
Fl-aħħar xhur, xogħlijiet simili ta’ tindif twettqu fl-Imrieħel, Sant’Iermu fil-Belt Valletta, il-Forti Sant Anġlu, ir-Rinella, Popeye Village, is-Sur ta’ San Klement Bormla, Għajn Riħana f’Burmarrad, Wied is-Sewda u Wied Lewża.
Id-Dipartiment għas-Servizzi ta’ l-Indafa fl-aħħar xhur introduċa ’freephone system’ fejn wieħed jista’ jirrapporta każijiet ta’ skart mormi f’widien, toroq arterjali u żoni industrijali. Fl-ewwel ħames xhur tas-sena kien hemm ’l fuq minn 200 rapport ta’ dan it-tip. Eżerċizzju ieħor kien dak ta’ tneħħija ta’ tabelli u riklami mwaħħla ma’ arbli u ħitan tal-ġnub tat-toroq, li wassal għat-tneħħija ta’ ’l fuq minn 1,600 tabella sa l-aħħar ta’ Mejju.
Finalment il-Ministru Zammit fakkar li ż-żamma ta’ l-ambjent hija r-responsabbilta’ tal-Maltin kollha u għaldaqstant reġa’ appella għal sforz kollettiv minn kulħadd sabiex pajjiżna jinżamm fi stat nadif
|
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946