Left arrow Go Back

TWEĠIBA LILL-GWU DWAR L-INTERPRINT

PR0799
Date Icon 02/06/2005

Il-General Workers’ Union il-bieraħ fil-għaxija għamlet stqarrija biex tikkritika lill-Gvern għad-deċiżjoni li jtemm l-operat tal-kumpanija Interprint Limited.

Ir-raġunijiet tal-Gvern għal din id-deċiżjoni kienu spjegati ampjament fl-istqarrija li l-Gvern ħareġ aktar kmieni il-bieraħ l-1 ta’ Gunju, fuq dan is-suġġett.  

Irid jiġi kkonstatat li l-Gvern informa formalment lill-General Workers’ Union bid-deċiżjoni dwar l-Interprint f’laqgħa mas-Segretarju tat-Taqsima ta’ l-Istampar tal-union fil-kwartieri tal-Union stess, fil-11.30 tal-bieraħ fil-għodu.  

L-Istqarrija tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni tal-bieraħ, ħarġet ħames siegħat wara; ħin li fih, l-Union setgħet u messa għamlet kull komunikazzjoni li riedet tagħmel. Inċidentalment xi ħaddiema kkonfermaw mal-management li tul dan il-ħin il-union kienet b’xi mod ikkomunikatilhom id-deċiżjoni tal-Gvern.  

Irid jingħad ukoll li l-ħaddiema issejħu għal-laqgħa apposta għal-lum fit-8 ta’ fil-għodu miċ-Chairman tal-kumpanija, biex jiġu mwieġba xi mistoqsijiet li jista’ jkollhom.  

Mill-bqija, l-istqarrija tal-GWU tal-bierah tikkonferma l-perspettiva assurda li tieħu l-Union fi kwistjonijiet bħal dawn. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq l-Interprint Ltd m’hix “tradiment tal-ħaddiema” daqs kemm il-Gvern m’hux obbligat jonfoq il-mijiet t’eluf ta’ Liri kull sena minn flejjes pubbliċi biex senz’altru jipproteġi impjiegi m’hux produttivi f’kumpaniji kummerċjali falluti li jkunu proprjetà tiegħu.  

L-assurdità tal-perspettiva tal-union toħroġ l-aktar meta dawn jargumentaw li għax l-industrija privata Maltija ta’ l-istampar tikkonċentra fuq is-suq lokali, m’hux l-esportazzjoni, il-Gvern messu ma jiddejjaqx jissussidja u jinvesti flejjes pubbliċi biex l-Interprint iżżomm il-monopolju prattiku li għandha llum fis-suq ta’ l-esportazzjoni.

Il-Gvern m’għandux politika ekonomika soċjalista li juża flejjes pubbliċi biex jinvesti u jissussidja f’oqsma kummerċjali tiegħu li jistgħu jiġu operati mil-privat. Il-Gvern m’għandux lanqas politika soċjalista li jżomm f’impjiegi m’hux produttivi impjegati li jistgħu jkunu ferm aktar utli għall-ekonomija Maltija jekk jaħdmu mas-settur privat.

L-Interprint hi relikwa ta’ l-ekonomija soċjalista Maltija li aktar m’għadda żmien minn fuqha u aktar ma bdiet tiswa flus, anqas baqgħet ġustifikata li tibqa’ piż fuq il-finanzi pubbliċi.  

Il-Gvern se jifdi l-obbligi kollha li hemm fil-Ftehim Kollettiv għall-kumpens tal-ħaddiema f’din iċ-ċirkostanza, li huma bil-bosta aktar ġenerużi milli titlob il-liġi jew minn kwalunkwe ċirkostanzi simili fis-settur privat.  

Il-Gvern m’għandux għalfejn jerġa’ jissostanzja l-argument li l-Interprint m’għadhiex finanzjarjament sostenibbli (kuntrarju għal kif b’xi mod qed tipprova targumenta l-GWU) ħlief li jerġa’ josserva li kieku l-Interprint kellha potenzjal kummerċjali, il-probabbiltà kienet tkun li fl-attentati fl-1994, fl-1995, fl-2001 u fl-2005 li jinstabu xerrejja private, kien ikollhom aktar suċċess milli kellhom.  

Il-Gvern ma jiddubitax li għall-ħaddiema ta’ l-Interprint dawn huma ġranet diffiċli, għalkemm żgur huma mtaffijja m’hux ftit bil-ġenerożità tal-benefiċċji ta’ temmijja li jafu li huma eliġibbli għalihom.  

Il-Gvern jappella lill-General Workers’ Union biex ma tibqax għaddejja bil-politika assurda tagħha li tinjora r-realtajiet ekonomiċi ta’ din il-kumpannija  u b’hekk tipprova tipperswadi lill-membri tagħha li l-egħluq ta’ din il-kumpanija huwa xi kapriċċ tal-Gvern u m’hux neċessità kummerċjali inevitabbli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow