IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI IRID IFIXKEL IL-PROĊESS TA’ PRIVATIZAZZJONI TAS-SEA MALTA
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant illum kompla l-kampanja tiegħu biex idgħajjef il-pożizzjoni tal-Gvern fl-isforz li jbiegħ is-Sea Malta fl-aħjar interess pubbliku. Jidher bl-aktar mod ċar li Dr. Sant irid li l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta ma tirnexxiex bil-konsegwenza li jressaq il-kumpannija lejn il-falliment.
Illum Dr. Alfred Sant kien ikkwotat mill-Partit ta’ l-Oppożizzjoni jgħid li “hemm bżonn ta’ inkjesta dwar kif fl-aħħar snin Gvern Nazzjonalista ħalla lis-Sea Malta taqa’ lura apposta.” Il-Gvern jiċħad bl-aktar mod ċar l-allegazzjoni ta’ Dr. Sant li hu (il-Gvern) għamel xi għażla konxja li jwaqqa’ lura apposta lis-Sea Malta.
Rigward is-sejħa għal inkjesta, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jaf li mingħajr il-bżonn tar-retorika, għandu s-setgħa illi jekk irid jitlob il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (li hu mmexxi mill-Oppożizzjoni Laburista) jistħarreġ dak li hu qed jallega li sar. Il-poter qiegħed f’idejh u jekk jidhirlu li hemm xi ħaġa li għandha tiġi investigata hu, il-Partit tiegħu, bir-riżorsi ħielsa ta’ l-Awditur Ġenerali, jista’ jinvestiga kull ma jidhirlu.
Il-Gvern jesprimi diżgust għall-implikazzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni meta retorikament jistaqsi “fl-interess ta’ min matul l-aħħar snin il-gvern Nazzjonalista ħalla lis-Sea Malta tistaġna u ressaqha lejn falliment.” Il-Gvern għandu l-politika ċara, dikjarata u mingħajr ambigwità li jħalli lis-settur privat jopera hu dawk il-partijiet kollha ta’ l-ekonomija li fihom jista’ jopera. B’daqshekk ma jfissirx li l-Gvern apposta u konxjament dgħajjef lis-Sea Malta biex igawdi xi ħadd.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni illum ikkonferma s-suspett li esprima l-Gvern din il-ġimgħa li m’hix b’kumbinazzjoni li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jagħżel dan il-mument biex jiftaħ il-kanuni u jaġixxi biex kemm jista’ jkun idgħajjef il-pożizzjoni ta’ Malta f’dawn in-negozjati. Hu dmir u dritt ta’ l-Oppożizzjoni li tagħmel kritika fuq deċiżjonijiet strateġiċi, iżda hu inġust u perikoluż li l-Oppożizzjoni tipprova tieħu vantaġġ politiku minn atti pubbliċi ta’ sabutaġġ f’negozjati kummerċjali li għandhom impatt dirett fuq il-finanzi pubbliċi.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għażel l-istess strateġija meta tkellem waqt in-negozjati ma’ l-operaturi l-ġodda tas-servizz tal-helikopter bejn Malta u Għawdex; meta tkellem waqt in-negozjati mal-kuntratturi tal-kostruzzjoni ta’ l-isptar; meta tkellem waqt in-negozjati għall-privatizzazzjoni tal-Port Ħieles; u eżempji oħra t’atti ta’ tfixkil moħbija f’dehera vvintata ta’ kritika leġittima.
Il-Gvern ser iżomm lill-Parlament, lill-union u lill-pubbliku infurmat, kif għamel dejjem, dwar dan il-proċess ta’ privatizzazzjoni li se jkun, bħal kull proċess simili ieħor, suġġett għall-iskrutinju ta’ l-Oppożizzjoni u ta’ l-Awditur Ġenerali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946