IL-KUMPANIJA YADA ŻŻEWWAQ IL-KARNIVAL T’GĦAWDEX
Bħala parti mill-Karnival li se jiġi organizzat f’dawn il-jiem f’Għawdex, il-Kumitat Organizzativ Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser itella’ serata ta’ żfin “MERĦBA” bis-sehem tal-kumpanija YADA fil-Belt Victoria.
L-attivita’ qed tiġi organizzata mill-Ministeru għal Għawdex fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin Konvenzjoni tal-Foundation of European Carnival Cities (FECC) li se ssir f’Għawdex għall-ewwel darba. Tnax-il żeffien mill-Young Actors and Dancers Association (YADA), immexxija miż-żeffien u korjografu Għawdxi Felix Busuttil, se joħduna lura permezz taż-żfin tul dawn l-aħħar eluf ta’ snin ta’ storja kulturali u soċjali ta’ pajjiżna.
L-FECC twaqqfet fl-1980 u minn dakinhar ġew organizzati żewġ konvenzjonijiet f’Malta fl-1987 u fl-1995. Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ilu membru ta’ din il-fondazzjoni mill-1994.
L-attivita’ organizzata mill-Kumitat Organizzativ Kultura għal din l-okkażjoni se tikkumplimenta l-għadd ta’ attivitajiet organizzati mill-Kunsill Lokali Nadur li huma mifruxa mis-Sibt, 28 ta’ Mejju sas-Sibt 4 ta’ Ġunju.
L-attivita’ li tibda b’defile’ tul Triq ir-Repubblika, se ssir fi Pjazza Indipendenza, Victoria nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju fit-8.00pm. Kulħadd huwa mistieden li jattendi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946