FTEHIM TA’ TWINNING MAL-GVERN ĠERMANIŻ BIEX JGĦIN FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TAR-RESPONSABBILTA’ TAL-PRODUTTUR FL-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ISKART
Il-Gvern permezz ta’ Wasteserv Malta Ltd, qed jiffinalizza ftehim ta’ Twinning li se jkopri l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ implimentazzjoni għad-Direttivi dwar ir-responsabbilta’ tal-produtturi fil-ġenerazzjoni u fl-immaniġġjar ta’ l-iskart. Il-proġett mhux biss jassigura li ħaddiema jkunu mħarrġa f’responsabiltajiet ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart imma huwa wkoll maħsub biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbilta’ tal-produttur. Dan il-ftehim hu mistenni li jiswa ma’ l-€450,000 u qed isir mal-Ministeru Federali għall-Ambjent, Konservazzjoni ta’ l-Ambjent u Sigurta’ Nukleari tal-Ġermanja.
Fuq kollox, il-proġett se jħarreġ u jipprovdi assistenza teknika lis-settur privat fuq kif jista’ jitnaqqas l-iskart li jkun iġġenerat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li hu għamel fil-Mosta Technopark fejn kien spjegat kif l-operaturi kollha fil-qasam industrijali qed jipparteċipaw f’inizjattivi ta’ separazzjoni ta’ l-iskart. Minbarra hekk, l-operaturi appuntaw ukoll persuna li jkollha r-responsabbilta’ li tassigura li l-miżuri favur l-ambjent jiġu mplimentati.
Il-Ministru Pullicino spjega kif il-ftehim ta’ twinning għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċita’ nazzjonali fl-immaniġġjar ta’ l-iskart u b’hekk għandu jwassal biex Malta timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart ta’ l-2001 f’konformita’ mar-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Pullicino qal li l-proġett mistenni jinkludi wkoll taħriġ lill-impjegati tal-Wasteserv u għandu jkopri numru ta’ materji bħalma huma ppjanar fl-immaniġġjar ta’ l-iskart, esportazzjoni ta’ skart, immaniġġjar ta’ faċilitajiet bħalma huma landfills, faċilitajiet tal-kompost u civic amenity sites, prinċipji ġenerali ta’ immaniġġjar ta’ l-iskart. Taħriġ se jkun provdut ukoll lill-organizzazzjonijiet Governattivi oħrajn bħalma huma l-MEPA u l-Malta National Laboratories fuq kif ikunu ttestjati l-kampjuni li jintużaw għal ħarsien ambjentali.
Aspett ieħor interessanti ta’ dan il-proġett huwa li se jkunu identifikati tlett gradwati li se jkunu mħarrġa fi prattiċi ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart bil-ħsieb li ladarba jintemm it-taħriġ huma jkunu mpjegati fl-industrija. B’hekk il-Gvern ikun qed jiffaċilita t-tixrid ta’ informazzjoni għaliex ikun hemm għarfien akbar tal-obbligi ta’ kulħadd.
Il-proġett se jkun immexxi minn Project Leader Malti mill-Wasteserv b’għajnuna minn Twinning Advisor barrani li jkun residenti f’Malta. Esperti f’oqsma differenti ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart se jipprovdu t-taħriġ meħtieġ u jorganizzaw seminars lill-operaturi Maltin.
Il-Ministru George Pullicino feraħ lill-operaturi li jaħdmu mit-Technopark għall-inizjattiva tagħhom u qal li dan huwa pass ieħor fil-bidla tal-kultura li trid tinfirex fost l-oqsma kollha tas-soċjeta’. Hu awgura li aktar operaturi jingħaqdu flimkien f’inizjattivi bħal dawn.
F’diskors ta’ l-okkażjoni, Henry Borg, ic-chairman tal-Mosta Technopark Tenants Association (MTTA), qal li huma kburin li se jkunu l-ewwel qasam industrijali li qed jiffinanzjaw inizjattiva favur l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Borg qal li hu importanti li kulħadd jifhem li l-problema ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart hija tal-pajjiż kollu u li kulħadd jifhem ir-rwol tiegħu biex ikollna sitwazzjoni ferm aktar sostenibbli.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946