KONVENZJONI INTERNAZZJONALI F’MALTA GĦALL-IBLIET EWROPEJ TAL-KARNIVAL
Meta kien qed jindirizza konferenża ta’ l-aħbarijiet dwar Simpożju Internazzjonali ta’ Bliet Ewropej, li jorganiżżaw il-Karnival, u li ser jsir f’Malta bejn id-29 ta’ Mejju u l-4 ta’ Gunju 2005, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-organizzazzjoni f’Malta ta’ din il-25 Konvenzjoni Internazzjonali tal-Federazzjoni tal-Bliet Ewropej tal-Karnival kienet vot ta’ fiduċja fil-Karnival ta’ Malta li ilu jsir għal 470 sena.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’pajjiżna kien se jiġi kommemorat il-Ġublew tal-Fidda ta’ din il-Konvenzjoni Internazzjonali u dan kien se jsir bi stil tipikament Malti għaliex ridna mhux biss nuru lil pajjiżi oħra dak li noffru kull sena lill-poplu Malti fil-Karnival iżda anke kif il-Karnival tagħna hu ta’ attrazzjoni turistika.
Francis Zammit Dimech qal li din il-Konvenzjoni kienet se tagħti opportunita’ lil dawk kollha li kienu b’xi mod involuti fl-organizzazzjoni tal-Karnival ta’ pajjiżna biex jiltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet karnivaleski oħra mid-dinja u jaqsmu magħhom esperjenzi biex hekk isiru jafu aktar kif jiġu organizzat il-karnival f’pajjiżi oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din il-Konvenzjoni se tinfirex fuq sebat ijiem – mill-Ħadd 29 ta’ Mejju sas-Sibt 4 ta’ Ġunju – li matulhom id-delegati, u dawk li ser jakkompanjawhom, se jkollhom l-opportunita’ li mhux biss isegwu karnival b’numri minn Nadur, Malta u Għawdex fil-misraħ ewlieni tan-Nadur, iżda anke biex jaraw x’toffri Malta mil-lat ta’ storja, arti, kultura u folklore, kif ukoll mil-lat ta’ divertiment.
Id-delegati se jkunu mistiedna għal Ballu tal-Karnival ospitat mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fis-Sala tal-Konferenzi tal-Mediterran, għal Lejla Maltija ospitata mill-Kunsill Lokali Xagħra fejn se tinżifen id-danza tradizzjonali tal-Karnival “il-Kummittiva”, se jattendu għal Karnival Spontanju u Street Party fin-Nadur. Il-Konvenzjoni ser tintemm fin-Nadur b’logħob tan-nar, karnival spontanju u street party.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-Konvenzjoni għandha sservi ta’ vetrina għal dak kollu li joffri pajjiżna lit-turist. Hu qal li għandha fuq kollox isservi ta’ promozzjoni għall-gżira Għawdxija fl-isfond tal-politika tal-Gvern li jippromwovi Għawdex bħala destinazzjoni distinta minn Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li tul il-ġimgħa li d-delegati għal din il-Konvenzjoni se jkunu f’pajjiżna għandna nagħmlu minn kollox biex dawn iħossuhom daqs li kieku kienu f’pajjiżhom u biex hekk jieħdu lura magħhom f’pajjiżhom memorji sbieħ ta’ Malta u Għawdex u l-poplu tagħna.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu biex din il-Konvenzjoni tkun suċċess. Hu irringrazzja b’mod partikolari lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, lill-Kunsill Lokali Nadur u lill-isponsors.
Dr. Zammit Dimech awgura li din il-Konvenzjoni tkun suċċess u li tħalli l-frott mixtieq sew għall-organizzazzjoni tal-karnival kif ukoll għall-qasam turistiku.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946