NETWORK EWROPEW TA’ EDUKAZZJONI OGĦLA
Il-kompetittivita ta’ l-Ewropa tiddependi mir-riċerka u l-innovazzjoni u dawn jinħtieġu edukazzjoni ogħla ta’ kwalità u miftuħa għal kulħadd. Dan ġie emfasizzat mill-Ministri ta’ l-edukazzjoni ogħla ta’ 45 pajjiż Ewropew li qed jiltaqgħu f’Bergen, Norway. Il-Ministri preżenti ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Bergen li fiha impenjaw ruħhom li, bħala parti mill-Proċess ta’ Bologna, sa l-2010 joħolqu Area Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla li tinfirex fuq il-kontinent kollu Ewropew, minn Malta sa l-Islanda u mill-Portugall sar-Russja.
Il-konferenza tal-Ministri ddeċidiet ukoll li ddaħħal fil-Proċess ta’ Bologna ħames pajjiżi ġodda – Armenia, Azerbaijan, Georgia, Moldova u Ukranja. Fi żmien qasir ta’ ħames snin meta 29 pajjiż Ewropew fl-1999 f’Bologna fasslu l-viżjoni għall-edukazzjoni ogħla Ewropea, illum magħrufa bħala l-Proċess ta’ Bologna, in-numru ta’ pajjiżi li ssieħbu f’dan il-Proċess issa kiber għal 45 pajjiż. Malta hi pajjiż fundatur ta’ dan il-Proċess bil-Ministru Louis Galea jiffirma d-dokumenti oriġinali f’Bologna fl-1999.
Id-delegazzjoni Maltija għall-konferenza kienet immexxija mill-Ministru Louis Galea u tinkludi lill-Professur Roger Ellul Micallef, Rettur ta’ l-Università ta’ Malta, Dr Joseph Mifsud, Direttur ta’ l-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali ta’ l-Universita`, Ms Micheline Sciberras, Policy Coordinator fil-Ministeru, u Mr Anthony Camilleri, President tal-KSU.
Il-Proċess ta’ Bologna jirrikjedi t-tisħiħ ta’ strutturi ġodda kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej fil-livell ta’ edukazzjoni ogħla li jippermettu l-ħolqien u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki ġewwa l-Ewropa. Il-45 pajjiż iltaqgħu ġewwa Bergen, in-Norveġja, biex jannalizzaw il-progress reġistrat minn kull pajjiż wara l-aħħar laqgħa li saret sentejn ilu ġewwa Berlin.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Galea tkellem fuq l-importanza tal-Proċess ta’ Bologna għall-pajjiżi li huma ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea speċjalment għall-ġirien li huma fil-Mediterran u li m’humiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa ppropona li dan il-proċess joħloq relazzjoni mal-proċess ta’ Barċellona għall-pajjiżi Ewro-Mediterranji.
Punt ieħor tal-Ministru Galea kien iħares lejn is-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla privata fil-livell ta’ Università u l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-Proċess ta’ Bologna u l-Aġenda ta’ Lisbona. Dan ifisser kif jista’ jinħolqu korsijiet f’livell Universitarju li jwasslu għall-impjiegi ġodda. Dan il-punt qajjem interess partikolari mal-parteċipanti speċjalment mill-UNESCO u l-Unjoni Ewropea.
It-tielet punt magħmul mill-Ministru Galea kien suġġeriment li sal-konferenza li jmiss (Londra 2007) jinħoloq mekkaniżmu li jħares lejn id-dimensjoni soċjali u l-mobilità ta’ studenti u għalliema ġewwa l-Ewropa kemm f’dak li għandu x’jaqsam fl-istudju kif ukoll fir-riċerka.
Il-Ministri Ewropej qablu li sa l-2007 1) jassiguraw progress fit-twettiq ta’ standards Ewropej għall-assikurazzjoni ta’ kwalita`; 2) jistabbilixxu qafas nazzjonali għall-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla; 3) jaħdmu għal aktar għoti ta’ degrees bejn Universitajiet (joint degrees) anke fil-livell ta’ dottorat; u 4) joħolqu opportunitajiet flessibbli ta’ tagħlim (flexible learning paths) inkluż billi jiġi ċċertifikat it-tagħlim miksub tul il-ħajja u bl-esperjenza (prior learning).
… / Address by Minister Galea
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946