BRINDISI MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-PRANZU MOGĦTI AD UNUR IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-E.T. CARLO AZEGLIO CIAMPI U S-SINJURA CIAMPI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA. - IL-ĠIMGĦA, 20 TA’ MEJJU 2005
Sur President u Sinjura Ciampi,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
Huwa tassew ta’ unur u pjaċir għalija li nilqagħkom għal dan il-pranzu f’ġieħ l-Eċċellenza Tiegħu Carlo Azeglio Ciampi, President tar-Repubblika Taljana. Għalkemm għaddew għaxar snin mill-aħħar żjara ta’ Kap ta’ l-Istat Taljan, il-kuntatti regolari li l-pajjiżi tagħna għandhom fuq bosta livelli jirriflettu r-relazzjonijiet speċjali li jeżistu bejn Malta u l-Italja.
Ir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali eċċellenti tagħna huma eżempju mill-aqwa ta’ viċinanza bbażata fuq ir-rikonoxximent ta’ interessi reċiproki u ispirata mill-assoċjazzjoni storika twila bejn iż-żewġ pajjiżi. L-esperjenzi li għaddejna minnhom flimkien matul l-evoluzzjoni storika ta’ l-Ewropa kienu essenzjali biex iqarrbu lejn xulxin liż-żewġ pajjiżi tagħna, biex b’hekk jissaħħu r-rabtiet u l-ħbiberija profonda tagħna. Ippermettili, Sur President, nieħu din l-opportunita` biex niżgurak li din il-ħbiberija hija tassew ħajja u jħossha kulħadd fil-pajjiż tiegħi.
Għalhekk qiegħed nesprimi s-sentimenti komuni tal-poplu Malti meta, f’ismu u f’isem il-Gvern tiegħi, nirringrazzjak tal-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni li l-Italja tat b’konsistenza lil dan il-pajjiż. Il-Maltin japprezzaw ħafna l-għajnuna li l-Italja pprovdiet matul is-snin, partikolarment permezz tal-ħames protokolli finanzjarji. Din l-għajnuna ġiet applikata għall-kwantità ta’ proġetti differenti, bħalma huma t-titjib fis-sistema tat-toroq, ix-xogħol ta’ restawr u rijabilitazzjoni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-boroż ta’ studju Taljani li ngħataw lil studenti Maltin.
Sur President,
L-evoluzzjoni ta’ l-identita` Maltija minn dejjem kienet assoċjata mill-qrib ma’ dik ta’ l-Italja; anzi r-rabtiet li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi jmorru lura lejn l-istorja bikrija, u huwa għal din ir-raġuni li r-rabtiet kulturali tagħna għandhom jingħataw il-prominenza li tistħoqqilhom. Il-viċinanza ġeografika u r-rabtiet storiċi li jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi b’hekk jiffurmaw bażi solida ta’ interazzjoni bejn iż-żewġ popli. Dan jista’ wieħed jarah permezz tal-ħafna inizjattivi ta’ ġemellaġġ li jeżistu bejn muniċipji Maltin u Taljani. Attivitajiet bħal dawn iservu ta’ skambju fejjiedi ta’ esperjenzi li permezz tagħhom titwitta t-triq favur aktar kollaborazzjoni inter-kulturali bejn komunitajiet Maltin u Taljani.
Sur President,
Illum hemm rabta oħra bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna – l-Unjoni Ewropea. M’ilux Malta ċċelebrat l-ewwel anniversarju bħala stat membru fl-UE. Rigward dan nixtieq nirringrazzjak, Sur President, fil-kariga tiegħek bħala Kap ta’ Stat, għall-appoġġ kostanti li pajjiżek tana matul in-negozjati biex Malta tissieħeb fl-Unjoni.
Biex stajna nwettqu l-ħolma tagħna ta’ sħubija fl-Unjoni ma kinitx xi ħaġa ħafifa għalina iżda, kif spiss ġara fl-istorja ta’ Malta, ilħaqna l-għan tagħna. Waqt li qed nimplimentaw it-tibdil meħtieġ - fiskali, ambjentali, ekonomiku u f’oqsma oħra – ma jonqsux l-isfidi, iżda aħna ċerti li r-riżultat aħħari se jkun ġejjieni aktar fiż-żgur u aktar prosperu għall-poplu tagħna. Għalhekk m’għandi ebda dubju li meta żewwiġna d-destin tagħna ma’ dak ta’ l-Ewropa kienet l-aħjar deċiżjoni. Jiena ċert li s-sħubija tagħna fl-UE se ssaħħaħ dejjem aktar ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Sur President,
Filwaqt li aħna assolutament Ewropej, aħna l-Maltin konxji b’mod qawwi tal-patrimonju Mediterranju tagħna. Malta tagħmel dak kollu li tista’ bħala interlokutur ta’ fiduċja għat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran. Minbarra l-pożizzjoni ġeografika u l-iżvilupp storiku tagħna, anke l-ilsien tagħna, li bażikament huwa Semitiku iżda b’soprastruttura Romanza, jirrifletti dan ir-rwol.
Malta tqis lill-Italja bħala sieħba importanti fid-dimensjoni Mediterranja u fid-djalogu bejn il-popli. Iż-żewġ pajjiżi huma attivi fil-fora reġjonali li jħabirku biex irawmu l-paċi, l-istabbilta` u l-prosperita` fir-reġjun tagħna. Il-proċess ta’ Barċellona jeħtieġ impenn qawwi u żieda fir-riżorsi biex nistgħu ngħinu l-iżvilupp ta’ l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali biex jiggarantixxu ħajja aħjar għall-popli tal-kosta Mediterranja tan-Nofsinhar. Dan se jkun ta’ fejda għar-reġjun kollu kemm hu u għandu jkattar l-opportunitajiet kummerċjali u ekonomiċi għal kulħadd.
Sur President,
Jiena personalment inħossni ħerqan biex naħdem aktar mill-qrib mal-pajjiż u l-poplu tiegħek u biex inkompli ntejjeb ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejnietna b’riżq iż-żewġ partijiet. Jiena persważ li dawn il-fatturi kollha għad iżidu l-potenzjal għal aktar skambji bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna, fl-oqsma kollha.
Eċċellenzi,
Sinjuri,
B’dawn ir-riflessjonijiet, nistedinkom tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika Taljana.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946