Left arrow Go Back

VANDALIŻMU FIL-KAMPANJA GĦAWDXIJA

PR0721
Date Icon 19/05/2005

Għat-tielet darba konsekutiva, sinjali li tpoġġew madwar Għawdex sabiex jiggwidaw lil dawk li jsegwu mixjiet fil-kampanja, tneħħew minn persuni mhux magħrufa. Għall-ewwel darba wkoll, matul din il-ġimgħa tneħħa wieħed miż-żewġ information panels li tqiegħdu fl-inħawi tad-Dwejra riċentement.  

Is-sinjali fil-kampanja oriġinarjament kienu maħduma fl-injam u tqiegħdu f’punti partikolari matul il-mogħdijiet Għawdxin, sabiex jiggwidaw lil dawk li jsegwu r-rotot stabiliti, identifikati fil-proġett ta’ mixjiet fil-kampanja. Dan il-proġett kien ġie mniedi mill-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fl-2002. Wara biss ftit ġimgħat, uħud minn dawn is-sinjali kienu tneħħew għal kollox u l-ħaddiema tat-taqsima tal-manifattura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex reġgħu immanifatturaw sett ieħor. Iżda dan ukoll, wara żmien qasir, safa vittma ta’ vandaliżmu.  

Dan l-aħħar, il-Ministeru għal Għawdex immanifattura sett sinjali oħra, din id-darba fil-ġebel sabiex ikun diffiċli jinsterqu jew jiġu vandalizzati, u fl-istess ħin jikkumplimentaw l-inħawi rurali. Dawn is-sinjali tpoġġew fl-istess postijiet magħżula, u din id-darba ġew imkaħħla fil-post. Minkejja dan, anke dan it-tielet tentattiv safa vittma ta’ l-aġir irresponsabbli ta’ persuni mhux magħrufa.  

Aġir ieħor sar fil-jiem li għaddew fil-lokalita’ tad-Dwejra fejn il-Gvern u Nature Trust (Malta) qiegħdin iwettqu proġett b’finanzjament parzjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Hawnhekk, ser jiġi mplimentat proġett b’investiment ta’ €314,000 għall-konservazzjoni u mmaniġġjar aħjar tas-sit. Bħala parti minn dan il-proġett, twaħħlu żewġ information panels – wieħed fit-triq prinċipali li twassal sal-bajja, u l-ieħor fil-pjazza ewlenija. Iżda anke hawnhekk, xi persuni mhux magħrufa ddeċidew li jaqilgħu għal kollox information panel minnhom.  

Dawn iż-żewġ proġetti huma ntiżi li jtejbu l-aspett rurali u ambjentali ta’ Għawdex bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku ta’ Għawdex, fost l-oħrajn. Iżda jidher li minkejja l-isforzi tal-Gvern sabiex itejjeb l-ambjent karatteristiku ta’ Għawdex, għal xi raġuni jew oħra, xi wħud ma jifilħux dan it-tip ta’ investiment b’riżq Għawdex.  

Il-Ministeru għal Għawdex jikkundanna bis-sħiħ dan l-aġir egoist u rresponsabbli ta’ individwu/i mhux magħrufa u jappella biex min ikollu xi tip ta’ informazzjoni dwar dan jinforma lill-awtoritajiet kompetenti.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow