SERVIZZ IKTAR MODERN FL-ISPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX
Tlett offerti ntlaqgħu mid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-provvista ta’ servizzi iktar moderni ta’ catering għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan huwa proġett ieħor fost sensiela ta’ proġetti u inizjattivi li qed iwettaq il-Ministeru għal Għawdex, indirizzat sabiex ikomplu jiġu modernizzati s-servizzi u l-faċilitajiet offruti mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan il-proġett se jwassal sabiex il-preżentazzjoni ta’ l-ikel lill-pazjenti fl-isptar tkun waħda ferm aħjar minn dik ta’ llum, filwaqt li jiffaċilita x-xogħol marbut mat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ l-ikel fis-swali. Permezz ta’ din is-sistema ġdida, li tagħha qed jiġu aġġudikati l-offerti mitfugħa, il-pazjent se jitwassallu l-ikel fit-temperatura ġusta u b’mod iktar iġeniku. Il-proġett jaħseb ukoll għal taħriġ lill-ħaddiema sabiex jiġu modernizzati l-prattiċi ta’ kif jitqassam l-ikel fl-isptar.
Minbarra l-introduzzjoni ta’ din is-sistema moderna, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex bħalissa għaddej xogħol marbut mat-tieni fażi tal-proġett ta’ modernizzar tas-Sala tal-Maternita’ li mistenni jasal fi tmiemu fi ftit ġimgħat oħra, b’investiment ta’ madwar Lm80,000.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946