DISKORS MIĊ-CHAIRMAN TAL-KUMITAT PARLAMENTARI TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ, L-ONOR JASON AZZOPARDI, WAQT IS-SEMINAR “IL-PJAN T’AZZJONI TA’ L-UNJONI EWROPEA: OPPORTUNITAJIET INDAQS GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ – VALLETTA
Introduzzjoni
Għalkemm l-UE ħadet diversi inizjattivi fl-imgħoddi, kien biss fl-1997 li ngħatat is-saħħa għall-ewwel darba biex tagħmel liġijiet li jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq dizabilità. Fiċ-Charter dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottat f’Diċembru 2000, l-UE tkellmet dwar it-tema tad-diskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta’ persuni b’dizabilità billi sostniet li hi ‘tagħraf u tirrispetta d-dritt tal-persuni b’diżabilitajiet li jibbenefikaw minn miżuri li jassiguraw l-indipendenza tagħhom, l-integrazzjoni soċjali u fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll, il-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità’. Dan iċ-Charter għadu ma sarx strument legali.
Is-sena 2003 kienet iddikjarata is-sena Ewropea Persuni b’Diżabbilità mill-Unjoni Ewropea. F’Kommunikazzjoni[1] maħruġa fl-istess sena mill-Kummissjoni qiegħed jiġi previst illi sas-sena 2010 jkun hemm approach sostenibbli u operazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ issues ta’ diżabbiltà wara t-tkabbir fl-Ewropa.
Miri strateġiċi għall-futur: Il-Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea
Il-mira primarja tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin huwa li jippromwovu opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabbilità b’mod illi jwasslu għal inkluzjoni aktar dinamika fis-soċjeta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser taħdem sabiex tilħaq tliet miri li jikkomplementaw lil u jiddependu minn xulxin:
Li tiġi implementata id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar it-trattament ugwali fuq ix-xogħol
Li ssaħħaħ l-kunsiderazzjoni għal issues ta’ diżabbilità f’oqsma varji tal-politika tal-Unjoni Ewropea; u
Li jkun hemm aċċessbilità aħjar għal kulħadd.
Sabiex jintlaħqu dawn il-miri il-Kummissjoni qiegħda tizviluppa Pjan t’Azzjoni mifrux fuq numru ta’ snin sal-2010. L-istadji suċċessivi ta’ dan il-Pjan t’Azzjoni għandhom jiġu idenitifikati f’rapport biennali li jeżimina is-sitwazzjoni ta’ persuni b’diżabilità, li jservi bħala bazi sabiex jiġu mfassla il-prijoritajiet għall-fazijiet sussegwenti tal-Pjan t’Azzjoni.
Miri u mezzi disponnibli għal Kommunità
L-impenn tal-Unjoni Ewropea (UE) lejn persuni b’diżabbilità imur id f’id mal-kunċett li l-assitenza m’għandiex tkun waħda passiva iżda bbażata fuq integrazzjoni u parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ekonomika u soċjali. Għaldaqstant l-għan ta’ dan il-Pjan t’Azzjoni huwa li jirrikonoxxi u jipproteġi id-drittijiet tal-persuni b’diżabbilità.
l-UE diġa ħadet passi lejn din id-direzzjoni permezz tad-Direttiva dwar trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, u permezz tal-Pjan t’Azzjoni kontra d-diskriminazzjoni 2001-06. Barra minn dan, iċ-Charter of Fundamental Human Rights speċifikament jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità, u l-inklużjoni ta’ dan iċ-Charter fit-Trattat Kostituzzjonali ser ikun pass sinjifikanti ‘l quddiem.
L-aċċess għax-xogħol huwa kruċjali għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbilità. Il-Pjan t’Azzjoni ffinanzjat mill-European Social Fund, l-inizjattiva EQUAL u l-istrateġija Ewropea għall-impjieg huma mfassla sabiex jiffaċilitaw dan il-proċess. Barra minn hekk, l-immodernizzar tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandhom jgħinu fit-transizzjoni minn dipendenza fuq welfare benefits għal inċentivi fil-forma ta’ benefiċċji allaċjati max-xogħol.
Fl-aħħar, l-impenn sabiex titnaqqas l-emarġinazzjoni ta’ persuni b’diżabilità tinkludi l-proċess Ewropew ta’ inklużjoni soċjali u l-pjanijiet ta’ inklużjoni tal-Istati Membri individwali.
Fatti u trends
Id-definizzjoni u kriterji li japplikaw għad-diżabbilità huma mniżżla fil-leġiżlazzjoni ndividwali u tvarja minn Stat Membru għal ieħor. F’survey li sar fis-sena 2001 fil-15-il pajjiż membru kien hemm 14.5% bejn 14 u 65 sena li għandhom xi forma ta’ diżabbilità. Fil-każ tal-Istati Membri l-ġodda, dan il-persentaġġ jitla’ għal 25%.
Minn dawn 42% għandhom mpjieg meta mqabbel ma’ 65% ta’ persuni mingħajr diżabbilità. Dan juri li l-persuni b’diżabbilità qegħdin isibu problemi sabiex isibu mpjieg, u li huma jipposjedu sors ta’ żvilupp u avvanz ekonomiku li ma huwiex qiegħed jintuża.
L-ewwel fazi tal-Pjan t’Azzjoni (2004-2005)
L-ewwel fazi tal-Pjan t’Azzjoni (2004-2005) iffukuaw fuq il-kreazzjoni tal-kundizzjonijiet li hemm bzonn sabiex jiġi promoss ix-xogħol tal-persuni b’dizabilità, u li dawn jingħataw l-awtonomija f’dan ir-rigward. L-oqsma ta’ priorità huma maqsumin f’erbgħa kif ġej:
– Aċċess għal, u permanenza fix-xogħol;
– Tagħlim tul il-ħajja (lifelong learning);
– Potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda; u
– Aċċessibilita għall-ambjent pubbliku mibni.
Monitoring u follow up tal-istruttura
L-Inter-service Group tal-Kummissjoni għal dak li għandu x’jaqsam mad-diżabiltà huwa responsabbli milli jmexxi l-Pjan t’Azzjoni u jara li l-attivitajiet tad-dipartimenti varji tal-Kummissjoni jkunu mainstreamed. Huwa marbut ukoll jagħti progress report lil Grupp ta’ Kummissarji għal Opportunitajiet Indaqs.
Il-European High-Level Group tal-UE li jittratta dwar id-diżabiltà ppresedut mill-Kummissjoni, jinkludi speċjalisti minn kull Stat Membru, u xogħolu hu li jiżviluppa interazzjoni akbar fl-oqsma tal-politika nazzjonali.
Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel evalwazzjoni preliminarja ta’ dan il-Pjan t’Azzjoni fl-2008.
Xogħol il-Gvern Malti f’dan il-qasam
Xogħol il-Gvern Malti f’dan il-qasam imur lura għal Novembru 1987 fejn twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilità, meta ġew innominati l-ewwel Membri ta’ din il-Kummissjoni. Fis-sena 2000 din il-Kummissjoni ġiet rikostitwita b’identita legali separata taħt Att 1 tas-sena 2000, Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Dizabilita), liema Att jelenka wkoll fid-dettal ix-xogħol ta’ din il-Kumissjoni.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għandha l-għan ewlieni li tara li l-issues tal-persuni b’diżabilità jkunu r-responsabilità ta’ dawk kollha li jieħdu d-deċizjonijiet li jaffettwaw lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Din il-liġi ma daħħlitx fis-seħħ id-Direttiva tal-UE dwar it-Trattament Indaqs fl-Impjieg iżda tabolixxi d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità f’oqsma oħra bhal ma huma l-edukazzjoni, id-djar, l-insurance, l-aċċess fiziku u l-għoti ta’ oggetti u servizzi. Għaldaqstant għad baqa’ din id-Direttiva mportanti li trid tiġi trasposta fil-liġi Maltija.
Apparti minn hekk iddaħħal ir-rekwiżit li meta jittella’ bini ġdid jew isiru alterazzjonijet jew żvilupp strutturali sostanzjali li jkun jirrekjedi l-permess mill-MEPA dan ikun aċċessibli għal kulħadd. Twaqqfet ukoll Fondazzjoni tal-Aċċessibilità fl-Informatika biex tassigura li l-iżviluppi fl-Informatika ma jħallu lil ħadd barra minħabba d-diżabilità.
Permezz ta’ Fondi Strutturali mill-UE, l-ETC waqqfet skema ta’ Impjieg Issaportjat bil-għan li tgħin persuni b’diżabilità jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Permezz ta’ din l-iskema l-persuna tiġi offruta zmien ta’ traineeship fuq il-post tax-xogħol ma’ min iħaddem sabiex wieħed jkun jista’ juri il-kapaċitajiet tiegħu. Din fiha vantaġġi kemm għal min qed ifittex ix-xogħol u kemm għal min iħaddem. Min qed ifittex xogħol jsiba aktar faċli li jidentifika opportunitajiet li jaqblu mal-kapaċitajiet tiegħu; min-naħa ta’ min iħaddem hemm benefiċċji kemm finanzjarji kif ukoll prattiċi.
Fis-sena 2004 twaqqfet ukoll l-Aġenzija SAPPORT fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali li l-għan tagħha huwa li tagħti għajnuna lil persuni b’dizabilita sabiex jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom u fejn dan mhux possibli jgħixu fi djar żgħar fil-komunità.
Nemmen li l-Agenzija SAPPORT, li qed taghmel xoghol sfieq immense f’dan ir-rigward, trid tkompli tizviluppa biex tassigura li l-persuni b'dizabilita jkunu jistghu jkollhom partecipazzjoni shiha fis-socjeta anke permezz ta' skemi ta' assistenza personali u interpreti tal-lingwa tas-sinjali.
Ta’ min ifahhar ukoll ir-revizjoni shiha mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni specjali u inklussiva biex nassigura li jsir uzu effettiv tar-risorsi li hemm dedikati ghal dan il-qasam. Il-Pjan t' Azzjoni hu punt posittiv fuq il-livell Ewropew. Tajjeb li pajjizna wkoll jikkonsolida dak il-hafna tajjeb li sar u qed isir billi ikun hawn pjan simili fuq il-livell nazzjonali u li jkollu l-kunsens massimu tal-pajjiz kollu.
L-Unjoni Ewropea u l-persuni b’diżabilità: Xi rwol għandu l-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti
Bid-dħul ta’ Malta fl-Ewropa kien hemm bidla sostanzjali f’dak li sas-sena 2003 kien il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin, Kumitat magħmul minn Membri taz-zewg nahat tal-Kamra. Minn Mejju tas-sena l-oħra dan il-Kumitat żdiedlu r-rwol ferm importanti ta’ skrutinju ta’ proposti kemm leġiżlattivi kif ukoll dokumenti oħra tal-istituzzjonijet tal-UE bħal Green u White Papers, Kommunikazzjonijiet (bħal din dwar l-Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilità), u Rapporti oħrajn li joħorġu minn żmien għal ieħor.
L-iskrutinju mill-Membri tal-Kumitat jsir mhux biss fuq id-dokument innifsu, izda aktar importanti minn hekk fuq il-pożizzjoni li l-Gvern beħsiebu jieħu dwaru. U ir-rwol importanti tal-Parlament hawn qiegħed: meta liġi proposta mill-UE tkun għadha fl-istadju embrijoniku, jkun għad hemm l-opportunitajiet li l-Parlament jitlob informazzjoni addizzjonali mill-Gvern dwar is-suġġett u jindika jekk ikunx hemm xi aspetti li jridu jiġu ċċarati jew anke f’ċerta kazi jiġu emendati.
Għaldaqstant anke dokumenti li joħorġu mill-UE li jirrigwardaw direttament persuni b’diżabilità dawn iridu jgħaddu mill-iskrutinju tal-Parlament. F’każ li jkun hemm bzonn dan il-Kumitat għandu l-poter li jitlob informazzjoni minn sorsi varji, li jinkludi għaqdiet, assoċjazzjonijiet, kummissjonijiet, eċċ sabiex jiġi stabbilit dawn kif jistgħu jiġu affetwati minn leġizlazzjoni li l-Kummissjoni tkun qiegħda tipproponi, leġizlazzjoni li meta jintlaħaq qbil fuqha tkun trid tiġi trasposta fil-liġi Maltija.
Dokumenti jew proposti li m’għandhomx relevanza diretta għal persuni b’dizabilita jista’ xorta waħda jkollhom xi effett fuq dan il-grupp ta’ persuni. Għaldaqstant ir-rwol tal-Kumitat ikun dak li jassigura li l-Gvern ikun ħa dan il-fattur in konsiderazzjoni meta jkun qed jifformola l-pożizzjoni tiegħu fuq dak id-dokument.
Konlużjoni
Għalkemm l-politika f’dan il-qasam baqgħet primarjament f’idejn l-Istati Membri (minħabba l-prinċipju tas-sussidarjetà), wieħed ma jistax ma jkunx favur l-inizjattivi li qed tieħu l-UE f’dan il-Pjan t’Azzjoni li permezz tiegħu nantiċipaw illi persuni b’dizabilita jkunu jistgħu jieħdu sehem aktar sħiħ u attiv fil-komunita tagħhom.
Minn issa ‘l quddiem nistennew li joħorġu proposti konreti fl-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni li kif spjegat qabel iridu jgħaddu mill-iskrutinju tal-Parlament qabel il-pożizzjoni tal-Gvern Malti tiġi kristalizzata.
DOI – 16.05.2005
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946