IX-XOGĦLIJIET TAT-TOROQ TAL-PROTOKOLL TALJAN KOLLHA KIENU U GĦADHOM SER JITLESTEW SA SETTEMBRU
Id-data ta’ tlestija tax-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali u distributorji fiċ-ċentru ta’ Malta, sa mill-bidu kien li dawn jitlestew sa Settembru ta’ din is-sena. Dan il-pjan qatt ma nbidel.
Fid-dawl tal-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt konferenza stampa dal-għodu f’Ħaż-Żebbuġ, jidher li l-Onor. Alfred Sant u l-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar ix-xogħlijiet pubbliċi u toroq, l-Onor. Charles Buhagiar mhux qed japprezzaw, jew għall-inqas jifhmu, l-iskala tax-xogħol li qed isir mill-Gvern bħalissa fuq it-toroq ta’ pajjiżna.
Dan joħroġ aktar ċar meta tqis li l-Kap tal-Oppożizzjoni wasal biex qabbel ix-xogħol fit-toroq li sar fi żmien Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, max-xogħlijiet li saru waqt it-22 xahar ta’ l-aħħar Gvern immexxi mill-Partit Laburista. Ried iqabbel xogħol fuq triq ta’ kilometru f’Buġibba, mal-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ 16–il kilometru ta’ toroq bil-fondi tal-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja. Paragun sempliċi juri li l-valur tax-xogħol fuq it-toroq ta’ Protokoll Taljan huwa kważi tliet darbiet in-nefqa annwali fuq it-toroq meta l-Onor. Alfred Sant kien Prim Ministru.
Mhux biss il-fatti, iżda anke l-figuri jixhdu kontra dak li qal Dr. Sant.
Fil-fatt, fil-waqt li fis-snin 1997 u 1998, in-nefqa medja tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista fuq it-toroq kienet madwar Lm5 miljuni kull sena, bejn is-snin 1999 u 2004, jiġifieri fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, in-nefqa medja telgħet għal Lm6 miljuni, u dan mingħajr ma jitqiesu x-xogħlijiet tal-Protokoll Taljan.
Għalhekk, dak li qed jgħidu l-Onor. Alfred Sant u l-Onor. Charles Buhagiar ma jistax jittieħed bis-serjetà meta jingħad li dawn it-toroq qed jinbnew mill-ġdid għax qatt ma saret manutenzjoni fuqhom. Ironikament, il-parti l-kbira tat-toroq li qed isiru mill-fondi tal-Protokoll Taljan, kienu nbnew b’mod medjokri mill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista fis-snin tmenin. Meta jitlesta l-proġett li għaddej bħalissa f’Settembru li gej, il-poplu Malti ser igawdi dawn it-toroq għal ta’ l-inqas 25 sena mingħajr ma jsir ebda intervent fuq il-wiċċ tagħhom.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, l-Onor. Alfred Sant allega li l-Protokoll Taljan kien innegozjat minn Gvern immxxi mill-Partit Laburista fis-snin 70. Jista’ jkun li Dr. Sant nesa’ li minn dak iż-żmien kienu ffirmati xejn inqas minn erba’ Protokolli Finanzjarji oħra mal-Italja, bl-aħħar tlieta jkunu nnegozjati minn Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista. Ta’ min iżid li kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li għall-ewwel darba, nnegozja mal-Gvern Taljan biex €30 miljun mill-Ħames Protokoll jiġu allokati esklussivament għal titjib fuq it-toroq Maltin.
Il-Gvern japprezza li xogħlijiet fuq skala bħal din joħolqu nkonvenjent għas-sewwieqa u l-pubbliku in ġenerali. Minbarra li jbiddel l-infrastruttura tat-toroq, il-Gvern qed iħares lejn dawn il-proġetti bħala sfida sabiex titbiddel il-kultura kif jiġu ddiżinjati t-toroq, u kif ix-xogħol jitwettaq fuqhom. Ix-xogħlijiet ma jinkludux biss xogħol ta’ pavimentar jew bini ta’ ħitan, imma jinkludu wkoll culverts għas-servizzi, arbli tad-dawl, ħitan tas-sejjiegħ u landscaping.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq huwa konvint li meta l-proġett tal-Protokoll Taljan jasal fi tmiemu, ser ikun hawn strutturi aktar ippreparati sabiex iwettqu l-proġetti li hemm fil-pipeline – fosthom sitt proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea b’valur ta’ €26 miljuni.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946