INAWGURATA ‘DAY WARD’ ĠDIDA FID-DIPARTIMENT TA’ L-ONKOLOĠIJA
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar pazjenti morda bil-kanċer qegħdin jew ifiequ jew ħajjithom titwal konsiderevolment għax il-kura li jirċievu fl-isptar Pawlu Boffa qegħda dejjem titjieb.
Dan qalu Louis Deguara, il-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunità meta kien qiegħed jinawgura Oncology Day Ward ġdida fl-isptar Pawlu Boffa. Is-suċċessi fil-kura tal-kanċer permezz ta’ l-avvanzi fil-kimoterapija qed dejjem iżid il-volum tax-xogħol fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija bil-konsegwenza li nħasset il-bżonn li tinfetaħ Oncology Day Ward ġdida biex tkun tista’ tlaħħaq ma’ dan il-volum. Filwaqt li ma jidhirx li kien hemm żieda fl-inċidenza ta’ din il-marda, qiegħed ikun hemm domanda akbar għal kimoterapija għax bosta pazjenti qed jgħixu aktar u għalhekk qed ikollhom bżonn il-kimoterapija għal tul aktar ta’ żmien. Barra minnhekk illum jeżisti trattament għal numru akbar ta’ tipi ta’ kanċer li sa ftit snin ilu ma kienx hawn trattament għalih. Dawn il-fatturi qed jippermettu pazjenti b’din il-marda li jibqgħu relattivment b’saħħithom għal aktar snin.
Sal-lum il-faċilitajiet fid-day ward għal kimoterapija kienu neqsin minn bosta kumdità fejn il-pazjenti kienu jieħdu l-kura f’kundizzjonijiet mhux xierqa minħabba nuqqas ta’ spazju u privatezza. Għalhekk is-sala ta’ l-onkoloġija għall-irġiel ġiet trasferita għal sala oħra biex tagħmel wisgħa għall-espansjoni ta’ l-Oncology Day Ward. Issa l-ispazju jippermetti aktar privatezza u kumdità għall-pazjenti li jkunu qed jirċievu l-kura. Barra minhekk se jkun hemm żieda fin-numru ta’ kliniċi u l-kura se tingħata waqt li l-pazjenti jkun fuq couches disinjati apposta għal dan is-servizz. Ma’ din id-day ward wieħed issa jsib waiting room li tilqgħek mhux bħal qabel fejn il-pazjenti kienu jistennew f’kuridur iffullat.
L-amministrazzjoni ta’ dan l-isptar bniet rapport ma’ diversi ditti u għaqdiet mhux governattivi li qiegħed jissarraf f’koperazzjoni li minnha qiegħed jibbenifika l-pazjent. Din il-ward setgħet issir bl-għajnuna ġeneruża ta’ Cherubino Ltd, Simonds Farsons Cisk plc, l-APS Bank, il-Malta Cancer Foundation u għaqdiet oħra mhux governattivi.
Il-Gvern japprezza ferm l-għajnuna li tingħata minn bosta ditti u għaqdiet mhux governattivi li jagħtu kull tip ta’ għajnuna li tikkumplimenta s-servizzi bażiċi ta’ kura provdut mill-gvern biex il-pazjent ikun aktar komdu. Il-kura tal-kanċer hi fost l-aktar għoljin, imma minkejja dan il-gvern jipprovdi l-aqwa kura b’rata ta’ suċċess li tikkompara ma’ dik ta’ pajjiżi oħra.
Il-Ministru filwaqt li rringrazzja lil kull min għen biex tinfetaħ din il-ward qal li f’dawn l-aħħar snin l-isptar Boffa qiegħed jiġi trasformat kemm fid-dehra tiegħu kif ukoll fl-immaġini. Dan grazzi għall-ħidma ma’ taqta’ xejn u d-dedikazzjoni ta’ bosta professjonisti u ħaddiema li jikkuraw pazjenti b’mard li jġib miegħu problemi psikoloġiċi kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-familjari, temm jgħid il-Ministru Deguara.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946