240 STUDENT IBBENIFIKAW MILL-ISKEMA TAL-‘YOUTH SPECIALISATION STUDIES SCHEME’
Il-‘Youth Specialisation Studies Scheme’ (YSSS) hi skema offruta mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol bi sħab ma’ l-APS Bank Ltd. u li tgħin finanzjarjament liż-żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena permezz ta’ self sussidjat għall-ispeċjalizzazzjoni akkademika tagħhom f’xi qasam partikolari li mhux provdut f’pajjiżna.
L-ewwel ftehim bejn il-Gvern u l-APS Bank dwar din l-iskema sar fl-1994. S’issa bbenefikaw minnu aktar minn 240 student li bejniethom ħadu madwar Lm 1.76 miljun f’self.
Permezz ta’ din l-iskema, żgħażagħ Maltin japplikaw għal self sa massimu ta’ Lm 10,000 għall-korsijiet ‘full time’ jew ‘distance learning’. Is-self jista’ jiġi mħallas fi żmien għaxar snin, li jinkludu moratorju massimu ta’ ħames snin jew skond it-tul tal-kors ta’ l-applikant (jiġifieri li m’hemmx bżonn isir ħlas waqt iż-żmien tal-kors).
Kumitat ta’ Kredenzjali appuntat mill-Ministru jeżamina l-applikazzjonijiet mill-lat akkademiku. Dawk magħżula jibbenefikaw minn sussidju fuq ir-rata ta’ interessi waqt il-moratorju. Ir-rati jiddependu mit-tip ta’ kors li għalih japplika l-istudent.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni għandu relazzjoni tajba ħafna mal-Bank APS b’mod partikolari fuq din l-inizjattiva ta’ self lil studenti. Hu qal li kien għalhekk li għal darb’oħra l-Ministeru ddeċieda li jingħaqad mal-APS biex jipprovdi dan is-servizz li tant studenti jużaw biex ikomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta. Louis Galea qal li bid-dħul ta’ Malta fl-UE, sar aktar faċli għall-istudenti Maltin li jistudjaw f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni peress li qed jingħataw l-istess kundizzjonijiet bħall-istudenti mill-pajjiż stess fejn ikunu qed jistudjaw. Il-Ministru sostna li ma’ dan kollu jkun hemm każi ta’ studenti li jkollhom bżonn likwidita’ finanzjarja biex ikampaw tul is-snin tal-kors u għalhekk hemm bżonn ta’ skemi bħal dawn.
Il-Ministru temm jgħid li wara li f’Novembru li għadda kien ippubblikat ir-Rapport Chalmers dwar l-iffinanzjar ta’ l-Edukazzjoni Ogħla, bdiet konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha nvoluti li jgħin lill-Gvern ifassal proposti u rakkomandazzjonijiet li bihom tibda sseħħ ir-riforma f’dan is-settur. “Skema bħal YSSS trid tkun parti mill-pakkett ta’ għajnuniet li l-Gvern jagħti lill-istudenti biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom f’livelli ogħla”.
Wara li saru konsultazzjonijiet ma’ entitajiet mis-settur tax-xogħol inkluż il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (KXT/ETC) u l-Malta Enterprise, dwar il-YSSS ta’ din is-sena ġie deċiż li tingħata preferenza lil dawn l-oqsma ta’ studju:
· Bioteknoloġija,
· Teknoloġija Marittima u Ħajja Marittima
· Informatika u Komunikazzjoni
· Farmaċewtika
· Automotive Technology
· Agrikoltura
· Studji Mediċi
· L-Industrija tal-Films
· Ekonomija – Suq tax-Xogħol u Studji dwar il-qasam ta’ l-Impjiegi
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.youthnet.org.mt, u www.apsbank.com.mt
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-fergħat kollha ta’ l-APS Bank u mit-Taqsima Żgħażagħ fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. L-applikazzjonijiet għandhom jaslu f’din it-taqsima, Kamra Nru. 4, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, Floriana sa nhar it-Tnejn, 13 ta’ Ġunju 2005 sa l-4.30 ta’ wara nofsinhar.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946