L-EDUKAZZJONI GĦALL-ILLUMINIŻMU F’VASSALLI
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea ġie ppreżentat bil-ktieb L-Edukazzjoni għall-Illuminiżmu f’Vassalli. Dan il-ktieb jiffoka fuq is-sehem ta’ Vassalli b’riżq l-edukazzjoni u huwa t-tieni volum fis-Sensiela Vassalli.
Il-qofol ta’ din il-pubblikazzjoni huwa t-taħdita interessanti ta’ Dr Frans Ciappara li tħares b’mod frisk lejn l-ideat ta’ Vassalli fuq it-tagħlim u tinkwadra l-ideali tiegħu fil-kuntest ta’ x’kien qed jiġri fi żmienu fl-Ewropa li hu kien sar midħla tagħha. Il-ktieb jiġbor ix-xogħlijiet kollha li nqraw fl-ewwel Konferenza Vassalli li saret f’Lulju 2002 fl-Università. Barra Frans Ciappara kienu ħadu sehem Oliver Friggieri, ir-Rettur Prof. Roger Ellul Micallef, Prof. Manwel Mifsud u Frans Sammut.
Ktieb bħal dan fuq ir-rabta ta’ Vassalli ma’ l-edukazzjoni ma setax iħalli barra Stedina, kitba mqanqla u oriġinali ta’ Vassalli ta’ l-1827. Hija kitba li fiha diwi ta’ l-ideat espressi bit-Taljan fil-kotba l-aktar magħrufa ta’ Vassalli, u fil-ktieb insibuha mogħnija bin-noti tal-Prof Manwel Mifsud. Fil-ktieb insibu wkoll l-għanja magħrufa Vassalli bil-lirika u l-partitura mużikali tiegħu li qed tidher għall-ewwel darba.
Il-Ministru Galea feraħ lill-Istitut tal-Lingwistika u lill-Għaqda tal-Malti (Università) għal din il-pubblikazzjoni ta’ kwalità frott il-ħidma bi sħab bejn iż-żewġ entitajiet u li llum it-tnejn qed jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti.
L-edukazzjoni għall-Illuminiżmu f’Vassalli huwa ktieb li għandu jkollu post fil-librerija ta’ kull min japprezza s-sehem ta’ min qabilna ħadem u bata biex nikbru f’nazzjon b’saħħtu. Il-ktieb ġie editjat b’kura kbira minn Joseph P. Borg u ppubblikat mill-Għaqda tal-Malti (Università) u l-Istitut tal-Lingwistika.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946