DISKORS TA’ L-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI “IT-TARBIJA FIL-ĠUF” - M’ SKALA
Nixtieq nirringrazzja lill-organizzaturi għall-oppurtunita` li tawni li niftaħ din il-Konferenza bħala Viċi Prim Ministru u naqsam magħkom xi riflessjonijiet tiegħi dwar suġġett importanti bħal dak li ser niddiskutu llum jiġifieri il-ħarsien tal-ħajja qabel it-twelid.
Inħoss li fid-dinja mgħaġġla tallum qed jiġu skartati n-nies vulnerabbli; ninsewhom fil-ġirja għas-suċċess u għall-karriera, għall-ambizzjoni u l-ġid materjali. Irridu kollox malajr. Mingħajr ebda sens ta` sagrifiċċju, u allura f`dan l-ambjent huwa faċli li noħolqu foqra ġodda, l-emarġinati, dawk li jsofru s-solitudini, li jitwarrbu u jitpoġġew fil-ġenb għax jaqtgħu nifishom f`din il-ġirja.
Fost dawn irridu nsemmu lil dawk li għadhom ma tweldux; għax jekk dinja materjalista tinsa lil dawk li twieldu aħseb u ara lil dawk li lanqas biss twieldu li ħafna drabi jitqiesu bħala problema, bħala xi ħaga żejda li tiġi skartata u tintrema.
Anki jekk għall-grazzja ta` Alla jidher li f` Malta hawn kuxjenza qawwija favur il-ħajja, irridu dejjem niġġieldu kontra l-kultura li qed tinbena kontra l-ħajja. Biex nibqghu sodi favur il-ħajja, irridu nkunu kontra d-distruzzjoni tal-ħajja fil-ħolqien kollu. Nemmen li għandna nkunu favur il-ħajja f`kollox u kullimkien; favur il-ħajja ta` min ma’ twelidx, favur il-ħajja ta` min twieled iżda hu batut, favur il-ħajja tal-ħolqien kollu kontra d-distruzzjoni li turi disprezz lejn il-ħolqien kemm jekk hija tajra li tinqatel bla bżonn, u kemm jekk huwa embrijun fejn il-ħajja qed titnissel.
Fil-kampanja referendarja dwar l-abort fl-Italja fl-1980, Franco Zeffirelli kien ħareġ pubblikament kontra l-abort. U spjega għaliex. Ommu mara tar-rispett fl-alta socjeta’ ta` Firenze ta` qabel il-gwerra, kienet ħarġet tqila barra ż-żwieġ. Kien hemm minn sħabha li qalulha sabiex tabortixxi, tiddefendi l-unur tagħha, ma jkollhiex xkiel fl-iżvilupp tal-karriera tagħha. Ommu għażlet li twelled tarbija u twieled Zeffirelli. “Kif qatt nista` nkun favur l-abort”, kien qal Zeffirelli, “jekk jiena twelidt u neżisti għax ommi għażlet li ma twettaqx abort?”
U dan hu l-iżball fundamentali ta` dawk li huma ‘pro choice’ – favur l-għażla, jiġifieri ta` l-omm li tiddeċiedi hi x`tagħmel mit-tarbija, għax dik parti minn ġisimha. Li jiġġudikaw fuq il-qerda bla kont ta` xejn, għax mhux huma li se jsofru imma ħaddiehor, f`dan il-kaz, it-tarbija mhux mwielda. Hu argument konvenjenti li tkun kapriċċjuz bil-ħajja mhux tiegħek … iżda ta` ħaddieħor!
Għalhekk mhux minnu illi tarbija mhux imwielda hija parti minn ġisem ommha u xejn iktar. Mat-terminazzjoni tal-proċes ta` fertilizzazzjoni għandna persuna umana awtonoma b`taħlita ta’ kromosoni kemm ta` l-omm, kif ukoll tal-missier, u għalhekk it-tarbija l-ġdida m’hix biċċa mill-omm u xejn iktar.
Lanqas ma hu validu l-argument li l-embrijun hu biss ħajja umana “potenzjali”. Apparti l-fatt li jekk iż-żerriegħa m’hix is-siġra ma jfissirx li għandna neqirdu ż-żerriegħa nnifisha, mal-fertilizzazzjoni m’għandniex esseri uman potenzjali jew possibbli, iżda esseri uman li jiżviluppa u jikber, iżda jibda bħala esseri uman innifsu.
Jissemmew argumenti oħra li llum qed nisimgħuhom f`kuntest ieħor, bħal dak li l-ħajja tibda biss bl-implantazzjoni ta’ l-embrijun fil-ġuf, tnejn jew tlett ġimgħat wara il-konċepiment. Il-verita` hi li l-perjodu ta’ l-embrijun jibda mill-fertilizzazzjoni sa tmien ġimgħat wara meta jibda l-perjodu tal-fetu. M’għandniex, kif jgħidu xi wħud, f`dan l-istadju pre-embrijun iżda embrijun mill-mument ta` fertilizzazzjoni
Din il-falsita` ta` pre-embrijun fl-ewwel 14-il jum għenet sabiex wara ir-Rapport Warnock fl-Ingilterra jkun permissibli r-riċerka fuq embrijuni umani fl-ewwel ħmistax mill-konċepiment. L-istess l-argument li l-ħajja tibda ma’ l-impjantazzjoni fil-ġuf hija skuża komda sabiex fl-“in vitro fertilisation” ikun jista` jsir li jrid qabel it-trasferiment fil-ġuf.
M’għandniex inbagħbsu mal-ħajja la fil-bidu tagħha u lanqas fi tmiemha. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nilagħbuha ta’ allat aħna stess. L-isfera tal-prokreazzjoni assistita għall-koppji nfertili hija dinja meraviljuża. Għandna naħdmu sabiex dawk li jixtiequ li jkollhom it-tfal u ma jistgħux, ngħinuhom b`kull mezz xjentifiku sabiex ikollhom it-tfal tagħhom. Xejn ma hu isbaħ mis-sagrifiċċju ta` min jitħabat, mhux mingħajr diffikulta` sabiex ikollu l-ulied.
Iżda din l-isfera ta` attivita` medika għandha l-parametri etiċi tagħha u trid tiġi regolata. Huwa sew li tfal jitwieldu mingħajr ma jkunu jafu min hu missierhom? Jew pemezz ta’ ‘surrogate motherhood’, ikollhom żewġ ommijiet dik li materjalment tagħti twelid u dik li kriet il-ġuf għax ma jistax ikollha t-tfal? Dawn l-organi meraviljużi tan-natura li jgħinu fil-prokreazzjoni tista` tikrihom bħalma tikri karrozza? U se nħallu lil dawk li suppost jifhmu jirregolaw lilhom infushom billi jiġġudikaw huma x`inhu tajjeb jew ħazin li jsir fil-qasam tagħhom stess?
Kien għalhekk li jiena pubblikament għidt illi l-kwestjonijiet kollha ta’ bio-etika m’għandniex narawhom mil-lat mediku u tekniku biss. Huma fuq kollox kwistjonijiet li ghandhom x`jaqsmu mad-dinjita` tal-persuna umana u għalhekk il-Ministeru tiegħi tal-Ġustizzja, ha interess f`din il-kwistjoni u nittamaw illi jkollna regolazzjoni f`dan il-qasam u b`hekk Malta tiffirma il-Konvenzjoni ta` Ovideo tal-Kunsill ta` l-Ewropa ta` l-1997; iżda ma nistgħux nippermettu riċerka fuq embrijuni qisu xejn m’hu xejn, ħlief meta dik ir-riċerka u esperimetazzjoni tkun għall-ġid ta’ l-embrijun innifsu.
Jista` jkun hemm min jaħseb illi qed niffissaw iż-żejjed dwar embrijuni li fil-bidu tagħhom ma tistax lanqas tarahom b’għajnejk iżda biss b`mikroskopju. Iżda l-ħajja umana m’għandhiex daqs; ilkoll kemm aħna bdejna minn ċellola waħda; u ħadd m’għandu dritt illi jeqred il-ħajja. Għalhekk ukoll ma jreġix l-argument ta` dawk li jistaqsu kif jista` embrijun jitqies bħala bniedem, meta ma għandux attribwiti razzjonali bħal raġunament, għażla, volontà? Ir-risposta u nikkwota awtur wieħed ( Moore ):
“Although it is customary to divide human development into pre natal and post natal periods, birth is merely a dramatic event during development, resulting in a change in environment. Development does not stop at birth. Important changes, in addition to growth, occur after birth, e.g. development of teeth and female breasts. The brain triples in weight between birth and 16 years; most development changes are completed by the age of 25.”
Nixtieq ukoll insemmi li fil-leġislazzjoni ġdida għandna nagħmlu provediment sabiex min hu operatur fi klinika, jkollu dritt illi ma jipparteċipax fi prokreazzjoni medika assistita, għal raġunijiet ta` kwistjonijiet ta` kuxjenza - ħaga li ġiet inserita fil-leġislazzjoni Taljana: Ligi Nru 40 tal-2004.
Iżda x`se jagħmel il-politiku nisrani quddiem id-dinja moderna tal-lum? Nemmen li lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaga. Nemmen illi wara l-furur favur l-abort fl-aħħar tletin sena, qed ikun hemm ċertu ripensament. Kulhadd jaf illi l-mara, li pprovokat fl-Amerika l-kawza “Roe vs Wade”, li mbagħad ġabet magħha sentenza tal-Qorti Suprema Amerikana, li jeżisti addirittura dritt fondamentali għall-abort fl-ewwel sitt xhur ta` tqala; snin wara saret attivista bil-kontra, jiġifieri attivista favur il-ħajja u kontra l-abort.
Nemmen li kull wieħed minna jista` jagħmel ħafna: l-edukazzjoni, it-tixrid tal-kelma, kampanja bil-fomm u bil-miktub biex inħarsu l-ħajja f’kull aspett tagħha u f`kull stadju tagħha.
Nemmen ukoll li għandna mmorru oltre. Naf li intom bħala “lobby” favur il-ħajja ta` persuni mhux imwielda, kontu għamiltu talba sabiex il-projbizzjoni ta` l-abort tkun inserita fil-Kostituzzjoni tagħna.
Għandi l-pjaċir inħabbrilkom illi l-Gvern laqa` din il-proposta u ddeċieda li jressaq proposta għall-konsiderazzjoni ta’ kulħadd sabiex l-abort jiġi projbit fil-Kostituzzjoni ta` Malta . Għal dan il-għan, il-Gvern ikkomunika wkoll ma` l-Oppożizzjoni peress illi emenda bħal din għandha bżonn l-appoġġ ta` żewġ terzi tal-Kamra.
Din m’hix proposta politika. Għalhekk l-emenda kostituzzjonali għandha tkun frott ta` għajta nazzjonali li taqsam il-partiti u differenzi ta` opinjoni.
Huwa għalhekk illi din il-proposta, li ser nagħmel pubblika llum, mhux ser nippublikawha fil-Gazzetta tal-Gvern għalissa, bħala abbozz. Izda ser nagħmluha pubblika mod ieħor, sabiex kull għaqda li taqbel magħha tissottoskrivi l-appoġġ tagħha. B`hekk meta eventwalment immorru fil-Parlament din ma tkunx proposta ta` partit jew ta` Gvern, iżda proposta nazzjonali, imsaħħa bl-appoġġ tas-socjeta` ċivili, tal-partiti, tat-trade unions u ta` kull min għandu għal qalbu l-ħajja.
B`hekk din l-emmenda ma tgħaddix biss biż-żewġ terzi tad-deputati, iżda bis-sostenn ta` l-ikbar numru ta` għaqdiet u membri tas-soċjeta` ċivili. Għal darba, l-emendi kostituzzjonali ma jkunux biss il-frott ta` konsultazzjoni bejn il-partiti biss iżda konsultazzjoni ma` kull min irid illi l-ħajja tiġi mħarsa sa mill-ewwel stadji tagħha.
J`Alla jkollna l-akbar sostenn għal din il-proposta li hija sempliċi ħafna; aħna għandna Kodiċi Kriminali li jipprojbixxi l-abort. Aħna qed nipproponu illi dik il-parti tal-Kodiċi Kriminali tidħol fil-Kostituzzjoni u ma tkunx tista` tinbidel jekk mhux b’żewg terzi. Sempliċi imma effettiva.
M’għandix dubju li din l-emmenda se ssib l-appoġġ ta` l-ikbar numru ta` nies u b`hekk bħala poplu nkunu wrejna lil kulħadd li dan hu pajjiż illi jemmen fil-prinċipji u l-valuri u li minkejja l-pressjoni ta` dinja moderna, jagħraf iżomm mal-valuri li huma tajbin, mhux fuq bażi ta’ jekk humiex qodma jew moderni, iżda jekk għandhomx valur fihom infushom. Nemmen li l-valur tal-ħajja huwa valur tajjeb fih innifsu. Kull ma nkunu qed nagħmlu huwa li nirrikonoxxu dan il-fatt billi nnaqqxuh fil-Kostituzzjoni tagħna.
pr 0642a
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946