UNIVERSITA` AKBAR, AHJAR U SOSTENIBBLI
“L-istrateġiji għall-edukazzjoni ogħla u għat-teknoloġiji ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni ser jiddeterminaw is-saħħa soċjo-ekonomika u l-kompetittivita` ta’ pajjiżna għall-għexieren ta’ snin li ġejjin. Hu għalhekk li l-Gvern irid universita’ akbar, aħjar u sostenibbli. Dan ser ifisser investiment akbar fis-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla.” Dan sostnih Louis Galea, Ministru għall-Edukazzjoni, meta kellem lill-istudenti waqt konferenza organizzata mill-KSU (Kunsill Studenti Universitarji) u l-Ministeru fis-sala ta’ l-iskola primarja f’Ħ’Attard.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-KSU, Paul Gonzi, Anthony Camilleri li jmexxi l-Kummissjoni Edukazzjoni tal-KSU u Trevor Degiorgio u Amanda Mercieca, uffiċjali tal-KSU, u Jacques Sciberras, konsulent ekonomiku tal-Ministeru u membru tal-Working Group dwar il-finanzjament tas-sistema ta’ l-edukazzjoni ogħla (Chalmers Report).
Waqt il-Konferenza saru erba’ workshops li trattaw oqsma differenti ta’ appoġġ li jista’ jkollhom bżonn l-istudenti bl-iskop li jiġu analizzati l-iskemi preżenti u skemi alternattivi għall-futur u biex l-istudenti jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Gvern.
Il-Ministru Louis Galea rringrazzja lill-KSU għall-ħidma tagħhom fl-interess ta’ l-istudenti ta’ l-Universita`, b’mod partikolari għas-sehem importanti tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni tul l-aħħar xhur dwar skemi pubbliċi ta’ appoġġ għall-istudenti. Il-Ministru qal li wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Chalmers dwar l-iffinanzjar ta’ l-edukazzjoni ogħla ta’ l-Istat huwa rċieva kummenti u pariri minn diversi entijiet edukattivi f’dan il-qasam.
Il-Ministru Galea fisser li huwa mhux qed iħares lejn is-settur ta’ edukazzjoni ogħla biss mil-lat finanzjarju. “Filwaqt li tajt l-ewwel importanza lil dan l-aspett għaliex irrid nassigura sistema ta’ finanzjament b’saħħitha għal dan is-settur, qed naħdem ukoll biex din is-sena nwaqqaf Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla b’mandat wiesgħa u b’saħħtu biex nikkonsolidaw il-kisbiet li saru s’issa u nixprunaw il-progress u l-kwalita` li pajjiżna jinħtieġ,” sostna Louis Galea.
Il-Ministru Louis Galea fid-diskors tiegħu ffoka fuq tliet aspetti li jolqtu s-settur sħiħ ta’ edukazzjoni ogħla. Huwa tkellem l-ewwel dwar l-isfidi li qed jaffaċċja dan is-settur, it-tieni dwar il-miri tar-riforma li jrid iwettaq il-Gvern, u t-tielet dwar skemi ta’ appoġġ għall-istudenti.
Il-Ministru Galea fisser li hawn qbil sħiħ fil-pajjiż li l-edukazzjoni ogħla hi kontributur ewlieni għall-prosperita’ ekonomika. Il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ fuq din l-isfida u jpoġġi l-edukazzjoni fuq nett ta’ l-agenda nazzjonali. Fil-fatt fl-ispiza pubblika li l-Gvern jiddedika għall-edukazzjoni f’Malta tikkompara tajjeb mal-livelli fl-Unjoni Ewropea. “Il-paradoss hu li meta niffokaw fuq dik il-parti dedikata għall-edukazzjoni ogħla (post-sekondarju, MCAST u Universita`) insibu li l-istituzzjonijiet mhux qed ikollhom bilanċ bejn x’jagħtihom il-Gvern u n-numru dejjem jikber ta’ studenti. B’hekk ma nippargunawx tajjeb f’dan is-settur mal-UE.
Min naħa l-oħra l-appoġġ finanzjarju lill-istudenti huwa l-aktar wieħed ġeneruż fl-Ewropa. F’pajjiżna, meta nieħdu n-nefqa tas-settur pubbliku u dak privat, inkluż l-individwi flimkien, m’aħniex ninvestu daqs il-ġirien tagħna meta tqis in-numru dejjem jiżdied ta’ studenti.” Il-Ministru Galea qal li hemm rabta kruċjali bejn in-numri u l-kwalita` filwaqt li wieħed ma jistax ma jżommx f’moħħu il-limitazzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż.
Il-Ministru Louis Galea qal li tkun xi tkun ir-riforma “il-Gvern hu kommess li jassigura li konsiderazzjonijiet finanzjarji ma jkunux ta’ impediment għal min irid u hu kapaċi jkompli l-edukazzjoni ogħla. Iżda l-fatti kollha juru li l-mudell ta’ iffinanzjar li qed inħaddmu bħalissa sew għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-iskemi ta’ appoġġ għall-istudenti mhuwiex sostenibbli u jeħtieġ jiġi aġġornat għar-realtajiet tan-numri ta’ studenti li rridu nilħqu u tal-kwalita` tal-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ li l-pajjiż għandu bżonn.”
Il-Ministru Galea fakkar li s-suq globali ta’ l-edukazzjoni ogħla diġa` qed juri li hemm opportunitajiet reali u sostanzjali għal kummerċ b’risq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Ir-riformi jridu jinkoraġixxu aktar investiment f’dan is-settur biex eventwalment dan is-settur jiġġenera għejjun ġodda ta’ dħul għall-pajjiż.
“Irridu Universita` akbar, aħjar u sostenibbli. Il-qies, il-kwalita` u d-diversita` ta’ l-Universita` huma kruċjali għall-pajjiżna. Qiegħdin fi żmien ta’ trasformazzjoni soċjali, ekonomika u politika. Il-viżjoni tagħna li nsiru ekonomija mibnija fuq l-intelliġenza u t-tagħlim temfasizza l-urġenza li nsibu l-ekwilibriju meħtieġ għal dan l-iżvilupp. L-istudenti tal-lum għandhom responsabbilita` li jikkontribwixxu għal edukazzjoni ta’ kwalita` għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ studenti u ma jħarsux biss lejn skemi ta’ appoġġ li la jsostnu t-tkabbir ta’ investiment fil-kwalita` u lanqas fil-kwantita`.”
Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li, f’ekonomija li tiddependi fuq ir-riżorsi umani, proposti dwar tibdil fis-sistema ta’ l-Għotjiet ta’ Manteniment għall-Istudenti jridu jkunu mibnija fuq politika li taħseb għal żieda medja ta’ 35% fin-numru ta’ studenti fl-edukazzjoni ogħla fl-għaxar snin li ġejjin. Irridu wkoll nagħtu każ it-taħlita li għandna bżonn biex ikollna gradwati ta’ l-aqwa ħiliet u kwalita`, speċjalment fix-xjenza, inġinerija u teknoloġija. Il-Ministru Galea qal li d-djalogu li l-Ministeru kellu s’issa mal-KSU kien kostruttiv u beħsiebu jkompli jirrifletti fuq x’jgħidu l-istudenti fil-kwadru tad-deċiżjonijiet li l-Gvern irid jieħu fl-aqwa interess tal-poplu Malti.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946