Left arrow Go Back

GĦAWDEX BĦALA DESTINAZZJONI TURISTIKA GĦALIHA

PR0600
Date Icon 28/04/2005

It-tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex huma wieħed mill-aktar siti arkeoloġiċi importanti fil-Gżejjer Maltin u li jmorru lura għal madwar 3,600 sena Qabel Kristu.  Dawn inbnew fi żmien il-Perijodu tat-Tempji (madwar 4100-2500 QK) meta soċjeta’ avvanzata ħafna kienet tgħix f’dawn il-gżejjer. It-tempji tal-Ġgantija huma fost sitt siti ta’ tempji megalitiċi li kienu dikjarati Siti ta’ Wirt Dinji mill-UNESCO, minħabba s-sinifikat universali li għandhom. Matul l-2004 żaru dawn it-tempji 170,000 persuna.  

Dawn it-tempji jeħtieġu intervent urġenti flimkien ma’ ippjanar serju u riċerka biex is-sit jiġi riabilitat. Fil-budget ta’ din is-sena l-Gvern alloka Lm100,000 biex jiġi mfassal il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija ġewwa Għawdex biex ikun żviluppat il-prodott turistiku ta’ Għawdex. Minbarra din l-allokazzjoni fil-budget hemm allokazzjoni oħra ta’ Lm16,500 mill-Fondi ta’ Solidarjeta’ ta’ l-Unjoni Ewropea, allokazzjoni ta’ Lm10,000 mill-Cultourmed project u għotja ta’ madwar Lm80,000 mill-Vodafone Malta Foundation.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech attenda l-preżentazzjoni tat-3D Scanning Report marbut mal-Proġett tal-Ġgantija. Hu qal li kif intqal fid-diskors tal-budget il-proġett tar-restawr u l-konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija kien marbut mal-prodott turistiku ta’ Għawdex. Hu qal li fl-istess diskors il-Prim Ministru Lawerence Gonzi qal li ser jintużaw aħjar ir-riżorsi finanzjarji u l-isforzi tal-marketing biex niġbdu aktar turisti minn sitt oqsma ewleni li fosthjom hemm ‘Għawdex bħala destinazzjoni turistika’.  

“Għawdex jattira lejh 582,000 viżitatur fis-sena li 495,000 minnhom jaqsmu għal ġurnata; 11,700 jqattgħu lejl Għawdex u 11,600 jmorru għall-istorja u l-kultura,” qal il-Ministru Zammit Dimech li żied li Għawdex bħala destinazzjoni ta’ storja u kultura seta’ u kellu jingħata aktar promozzjoni. Hu qal li l-Gvern kien se jagħmel ukoll ħiltu biex aktar turisti jqattgħu vaganza fil-lukandi Għawdxin, u żied li wara li ngħata l-kuntratt għat-trasport bil-helicopter, u darba se jitkompla x-xogħol fuq il-port ta’ l-Imġarr kien imiss ukoll li tittieħed deċizzjoni dwar il-bini ta’ korsa tal-golf f’Għawdex.  

Francis Zammit Dimech qal li ma kellux dubbju li bi promozzjoni aħjar għal Għawdex bħala destinazzjoni turistika aktar viżitaturi barranin kienu jagħżlu vaganza f’Għawdex minħabba li l-gżira Għawdxija kellha l-karatteristiċi tagħha li huma differenti minn dawk ta’ Malta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow