Left arrow Go Back

BIEX IL-KULTURA F’PAJJIŻNA TKUN AĊĊESSIBBLI GĦAL KULĦADD

PR0594
Date Icon 28/04/2005

Biex iż-żgħażagħ tagħna jsiru jafu aktar dwar l-wirt storiku ta’ pajjiżna Heritage Malta ppubblikat ktejjeb bl-Ingliż u bil-Malti. Permezz ta’ dan il-ktejjeb, bi prezz nominali ta’ 50c, kull student li jżur il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur bħala parti minn żjara organizzata minn skola jingħata ‘workbook’. L-istudenti jkollhom aċċess ukoll għall-kostumi li nħadmu apposta meta jżuru l-Palazz u gallery site officer minn Heritage Malta jakkompanja lill-grupp u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu.  

Fuq ħsieb ta’ Dr Yosanne Vella, lecturer fl-istorja fil-fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Malta , dan il-proġett ġie finanzjat parzjalment mill-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO, u jipprovdi għodda edukattiva li permezz tagħha studenti jistgħu jifhmu aħjar l-inkwiżizzjoni f’Malta.  Ġie mtella’ u ppubblikat ukoll ktieb għall-għalliema.  Dan  tqassam lill-għalliema kollha ta’ l-istorja reġistrati f’Malta u Għawdex.  Dan ir-resource book jiġbor numru ta’ attivitajiet fuq il-post li jistgħu jitmexxew ma’ l-istudenti meta dawn iżuru l-Palazz ta’ l-Inkwiżitur.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea kienu preżenti għat-tnedija ta’ dan il-ktieb.  Il-Ministru Zammit Dimech qal li meta inawgura l-Wirja tat-Tortura f’Lulju tas-sena l-oħra ftit kien jaħseb li se jżuruha 20,000 persuna, ċifra  li  ma tinkludix gruppi li jżuru l-Palazz permezz ta’ tour operators.  Hu qal li kien infurmat li bħala riżultat ta’ din il-wirja, din is-sena kienet l-aħjar waħda għall-Palazz ta’ l-Inkwiżitur.  

“Attivitajiet bħal dawn ikomplu jressqu l-wirt storiku u l-kultura lejn il-poplu Malti kollu. Igħinu wkoll biex in-numru ta’ turisti li jżuruna għall-kultura u l-wirt storiku ta’ pajjiżna, li jilħaq 200,000 fis-sena, jkompli jikber. Hu ta’ sodisfazzjon ukoll li n-numru ta’ turisti li jżuru siti kulturali kull sena jilħaq 1.2 miljun u qiegħed jiżdied. Dawn it-turisti, darba nissodisfawlhom l-aspettativi tagħhom jerġgħu jżuru pajjiżna u jagħmlulna reklam tajjeb fost il-qraba u l-ħbieb tagħhom,” qal l-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru Louis Galea qal li kien ta’ pjaċir jinnota li Heritage Malta qed twettaq proġetti edukattivi biex tgħin l-istudenti fil-kurrikulu tagħhom u biex tagħmilhom aktar konxji mill-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna, li għandna nkunu lkoll kburin bih u nagħmlu minn kollox biex inħarsuh.  Il-Ministru Galea ħeġġeġ lill-għalliema biex jużaw ir-riżorsi li ppreparaw il-Heritage Malta flimkien mal-UNESCO biex iż-żjarat tat-tfal f’dawn is-siti jkollhom valur edukattiv miżjud.  Louis Galea temm juri s-sodifazzjon tiegħu għal mod kif il-Heritage Malta qed isaħħaħ l-irwol edukattiv tagħha, rwol li kien ewlieni meta kienet qed tiġi maħluqa l-Aġenzija.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow