DISKORS MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED, L-ONOR. EDWIN VASSALLO FIL-FTUĦ TA’ KONFERENZA DWAR IĊ-ĊENTRU TAS-‘SOLVIT’
Kważi seba’ snin ilu, meta kont afdat bir-responsabbilita’ politika ta’ Segretarju Parlamentari għas-self-employed u n-negozji żgħar, kont bdejt ħidma biex nara li fis-servizz pubbliku jkun jeżisti dipartiment li jservi bħala ta’ punt ta’ riferenza u one-stop shop li s-self empoyed u s-sidien ta’ negozji żgħar ikunu jistgħu jirrikorru għalih.
Dan id-Dipartiment fil-fatt kien twaqqaf u inizjalment kien magħruf bħala s-Small Business Unit. Maż-żmien ħdimt ukoll biex ikunu riorganizzati diversi Dipartimenti li kienu jirrregolaw il-kummerċ, il-konsumaturi, il-kompetizzjoni ġusta, trade marks u l-industrija. Dawn id-Dipartimenti kienu kollha jaħdmu indipendentement minn xulxin, iżda kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru.
Għalhekk, bħala ħidma ta’ ristrutturizazzjoni li konna wettaqna biex il-Gvern ikun hu wkoll ippreparat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, dawn id-Dipartimenti kienu ġew organizzati f’żewġ diviżjonijiet. Wahda minn dawn id-diviżjonijiet ġiet magħrufa bħala d-Diviżjoni għall-Kummerċ, u kien hawn li eventwalment sab postu l-iSmall Business Unit. Bħal dan id-Dipartiment, u d-Dipartimenti oħra, issa ma baqgħux regolaturi ta’ l-attivita’ kummerċjali kif kienu qabel, meta kienu joħorġu l-liċenzji ta’ l-importazzjoni u kwoti u kull miżura oħra ta’ restrizzjoni fuq l-attivita’ kummerċjali, iżda saru Dipartimenti li issa bdew jaħdmu biex l-attivita’ kummerċjali taħdem b’iżjed effiċjenza. Dan fisser li dawn id-Dipartimenti u uffiċjali issa kellhom jagħmlu bidla fl-objettivi tagħhom, biex ma jibqgħux iżjed regolaturi, iżda jsiru uffiċjali li joffru l-għajnuna tagħhom għal min qiegħed fin-negozju. Mhux iżjed Dipartimenti li jaħdmu indipendentament minn xulxin, iżda Dipartimenti li flimkien jagħmlu Diviżjoni waħda b’objettiv komuni; li jkunu ta’ servizz effiċjenti għal min qiegħed fin-negozju.
Id-Diviżjoni l-oħra saret magħrufa bħala d-Diviżjoni għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta. Fl-opinjoni tiegħi bidla oħra ta’ ristrutturizazzjoni li jmiss issir hija li dawn iż-żewġ Diviżjonijiet isiru diviżjoni waħda, bħalma hija wkoll ix-xewqa ta’ diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li l-issues tal-konsumatur ikunu diskussi fil-Kunsill tal-Ministri għall-Kompetittivita’ u mhux iżjed fil-Kunsill tal-Ministri li jiddiskuti s-Saħħa u issues soċjali.
Fil-fehma tiegħi dawn iż-żewġ diviżjonijiet għandhom ikunu ristrutturati biex isir iżjed pooling ta’ riżorsi u d-Diviżjoni li tinħoloq tkun magħrufa bħalha d-Diviżjoni għall-Kompetizzjoni Ġusta.
Illum jiena nemmen li s-self-employed u s-sidien ta’ negozji, li fil-kwantita’ kbira tagħhom huma negozji żgħar, għandhom xewqa waħda, li jaħdmu f’suq fejn hemm kompetizzjoni ġusta. Minn kompetizzjoni ġusta jgawdi wkoll l-imprenditur u l-konsumatur filwaqt li f’suq fejn hemm il-liġi tal-ġungla tkun teżisti kompetizzjoni nġusta, fejn min ikun investa jispiċċa l-vittma ta’ min ikun qiegħed jagħmel il-kummerċ bla regoli ta’ xejn.
Il-Gvern Malti kien ħass il-ħtieġa ta’ din ir-realta’ tas-suq u rrisponda għaliha. Illum il-Gvern huwa miltub minn kull min qiegħed fin-negozju biex ma jkunx aktar regolatur iżda service provider. Fil-fatt, minn meta bdiet il-ħidma biex jitwaqqaf dan id-Dipartiment, il-Gvern ra l-ħtieġa li jibda l-ħidma tiegħu biex inaqqas il-burokrazija u jara li l-ħidma tal-Gvern tkun aktar attrajenti u effiċjenti. Dan id-Dipartiment, flimkien mad-Diviżjoni tal-Kummerċ, kellhom ikunu dik l-enerġija li tixpruna lill-Gvern inaddaf mill-ħidma tiegħu dawk il-work practices li kienu ineffiċjenti u burokratiċi. Mill-bidu tal-ħidma ta’ dan d-Dipartiment, li kellu jservi ta’ one stop shop fil-ġlieda kontra l-burokrazija, konna diġa’ bdejna nitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impact assessment, tal-ħidma b’risq il-kwalita’ u l-kompetizzjoni, servizz bankarju b’aċċess aħjar għall-finanzi, Gvern b’anqas regolamenti u issues oħrajn.
Fuq kollox konna diġa’ għarafna l-importanza tal-European Charter for SMEs bħala dokument li kellu jservi ta’ gwida fil-ħidma tal-Gvern lejn in-negozji żgħar. Hekk ukoll maż-żmien bdejna naraw l-importanza li nitkellmu aktar fuq livell nazzjonali fuq l-għarfien ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona. Ovvjament illum għadda ż-żmien u dawn l-issues rebħu aktar għarfien mill-Gvernijiet ta’ kull pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, inkuż il-Gvern Malti, iżda tajjeb li llum nagħrfu li permezz tal-ħidma ta’ dan id-Dipartiment li llum huwa magħruf bħalha s-Small Business and Crafts Directorate, il-Gvern Malti kien xprunat ikun fost l-ewwel pajjizi membri ta’ l-Unjoni Ewropea li bdew jaħdmu biex jimplimentaw iċ-Charter Ewropew qabel ma din l-implimentazzjoni saret tassattiva għal kull Gvern.
Kien wkoll Gvern li minn ta’ l-ewwel ħa ħsieb li jorganizza l-ħidma tiegħu biex l-implimentazzjoni taċ-Charter ikun l-objettiv ċentrali tiegħu. Fil-fatt, l-istess DG Enterprise kienet faħħret il-ħidma tad-Dipartiment bħala Good Practice li setgħet tagħti eżempju lil pajjiżi oħra. Konxju li dan huwa dettal li għalkemm ta min jiftaħar bih, qatt ma rreferejna daqshekk għalih u dan għaliex jiena dejjem emmint li għad fadal ħafna x’nistgħu inkomplu ntejjbu u qatt ma waqafna biex niftaħru fejn wasalna, iżda baqgħalna naħdmu bla telf ta’ żmien biex intejjbu dak li bdejna naħdmu fuqu.
It-tajjeb ta’ l-iSmall Business and Crafts Directorate , li issa huwa wkoll responsabbli li jimplimenta l-ħidma li jfassal il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, huwa li l-ħidma tiegħu tikkonsisti f’ħidma ta’ appoġġ għal min qiegħed fin-negozju. Dan għaliex jaħdem bħala:
1. Ċentru ta’ Informazzjoni li jkun jista’ jirrispondi mistoqsijiet dwar is-servizzi li joffri s-settur pubbliku lil min ikun qiegħed fin-negozju .
2. Ċentru fejn is-self employed ikunu jistgħu jirrapportaw jew jagħtu informazzjoni rigward problemi li jkunu qegħdin jiltaqgħu magħhom, speċjalment fejn ikunu issues ta’ burokrazija żejda. Dan ifisser li dan iċ-ċentru qiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf bl-ineffiċjenzi li jiltaqgħu magħhom dawk li qegħdin fin-negozju.
3. Ċentru li jorganizza u jissimplifika l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mas-settur tas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar. Dan illum qed isir permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mas-self employed fuq livelli:
a. Personali, fejn kull min ikun irid jista’ jirrikorri għand dan id-Dipartiment għal kull informazzjoni li jkollu bżonn dwar per eżempju, kif jiftaħ negozju jew kif japplika għal liċenzja ta’ negozju.
b. Konsultazzjoni mas-self employed permezz ta’ laqgħat pubbliċi ma’ dan is-settur fil-Kunsilli Lokali. Kważi kull ġimgħa jiena, flimkien ma’ uffiċjali ta’ dan id-Dipartiment, nżommu dawn l-appuntamenti, fejn ikunu disponibbli nisimgħu u nirrispondu lil min jattendi.
c. konsultazzjoni ma’ għaqdiet differenti ta’ negozji li jirrapreżentaw setturi differenti tan-negozji żgħar u self employed.
d. konsultazzjoni fuq issues differenti bil-ħsieb li tingħata l-informazzjoni jew tinġabar l-informazzjoni mingħand is-settur tas-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar.
e. Konsultazzjoni ma’ dawk kollha li jaħdmu f’żoni industrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilita’ tal-Malta Enterpise.
Fuq kollox, il-ħidma ta’ dan iċ-ċentru hija li tara li jkun implimentat iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, u b’hekk il-Gvern ikun qiegħed jagħmel dak kollu possibbli biex l-imprenditur Malti u Għawdxi jkun jista’ jieħu l-iżjed li jista’ mill-esperjenza tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Illum bi pjaċir nara li dan iċ-ċentru ġie maħtur ukoll biex joffri s-servizzi ta’ “Ċentru SOLVIT”. Din l-għażla, fil-fehma tiegħi, tikkonferma u tkompli ġġib fis-seħħ il-ħidma kollha li saret f’dawn l-aħħar snin, biex issa dan iċ-ċentru ta’ ħidma huwa f’pożizzjoni tajba biex jerfa’ r-responsabbilita tal-ħidma li ċentru Solvit għandu joffri.
Ħadt din l-okkażżjoni biex nerġa’ nfakkar minn fejn tlaqna biex dan iċ-ċentru llum jinsab addattat għal din l-esperjenza ġdida tiegħu. Jiena għandi kliem ta’ tifħir għall-uffiċjali li jaħdmu f’dan id-Dipartiment. Narahom jikbru ta’ kuljum f’maturita’ li tgħinhom jifhmu xi tfisser tkun ta’ servizz għal min qiegħed fin-negozju. Il-ħidma taċ-Ċentru Solvit hija maħsuba biex dawn is-servizzi, li snin ilu kienu maħsuba għall-Maltin u l-Għawdxin, issa jiġu offruti wkoll lil kull min ikollu bżonnhom biex naraw li jissaħħaħ is-suq intern.
Il-konferenza ta’ llum tixhed il-ħtieġa li aħna naħdmu u niddeċiedu iżjed fil-kuntest tar-rejalta tas-suq wieħed. L-Unjoni Ewropea qed tara li b’dak kollu li tagħmel tnaqqas kemm jista’ jkun id-differenzi bejn is-swieq nazzjonali, bil-ħsieb li r-regoli f’kull suq ikunu konformi ma’ xulxin u allura ma jibqax ikolna diverzi swieq nazzjonali iżda suq wieħed – dak Ewropew.
Konxju li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel kull ma tista’ biex tnaqqas il-burokrazija u tkattar l-effiċjenza, iżda jidher li baqa’ ħafna xi jsir.
Biex jirnexxielna nnaqqsu iżjed burokrazija, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell ta’ Unjoni, u biex s-swieq ikunu rejalment miftuħa aktar għal xulxin, jiena nemmen li jeħtieġ li ssir ħidma effettiva biex jiżdied l-economic growth li kull ekonomija nazzjonali għandha bżonn. Nifhem ukoll li kull ċaqlieq ta’ imprendituri minn pajjiżi Ewropej għal pajjiżi oħra Ewropej, għandu jitqies bħala investiment, iżda biex dan isir, is-swieq li jifformaw l-Unjoni Ewropea għandhom jemmnu aktar fil-ħtieġa akbar li huma jinvestu f’pajjiżi oħra Ewropej milli jmorru jinvestu f’pajjiżi terzi għall-Unjoni Ewropea.
F’Malta, hawn suq miftuħ li hu kważi eżawrit, fejn għandna ħażna u disponibbilita’ ta’ prodotti ta’ l-ikel u prodotti oħra li bihom nistgħu nagħmlu sentejn ma nixtru xejn u nbiegħu u nixtru minn dak li għandna fl-imħażen tagħna, ix-xiri verament sar aktar faċli. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-kummerċ tassew sar anqas burokratiku u aktar faċli. Dan żgur li għen biex ix-xiri ta’ prodotti Ewropej biex jinbiegħu f’Malta żdied. Dan għen ukoll biex il-kummerċ qed jiżdied, b’numru akbar ta’ persuni li qed jidħlu fil-kummerċ. Dan wassal biex il-kompetizzjoni tikber kulljum, u filwaqt li l-ispejjeż tan-negozju qed jiżdiedu, l-prezzjiet ma jistgħux jogħlew aktar. Għalkemm dan huwa effett pożittiv għall-konsumatur, l-qliegħ u l-profitti tan-negozjanti qegħdin jonqsu jew jibqgħu stabbli meta mqabbla ma’ l-investiment li jeħtieġ in-negozju.
Din is-sitwazjoni ma teżistix biss f’Malta, iżda hija wkoll l-esperjenza ta’ dawk kollha li qegħdin fil-kummerċ fl-Unjoni Ewropea. Quddiem din ir-realta’ kiefra għal min qiegħed fin-negozju donnha kull ħidma oħra, toriġina minn fejn toriġina, tispiċċa superfluwa.
Quddiem din ir-realta’, filwaqt li għandi l-kuraġġ li nara li jseħħu żviluppi biex din is-sitwazzjoni tkun megħluba, għaliex jiena nara li din hija sitwazzjoni li hija riżultat ta’ suq globalizzat, fejn il-kummerċ sar qisu qed isir f’suq wieħed, jiena qed nara li kull dokument li ħiereġ mill-Unjoni Ewropea, għal dik li hija direzzjoni lejn l-iżvilupp tal-politika imprenditorjali, donnhom huma biss dokumenti li m’huma qed iwassal imkien. Kull dokument, inkluż l-Aġenda ta’ Lisbona, qishu riċetta li mhux tirrispondi għall-marda li għandna tat-telf tal-kompetittivita’ ma’ pajjiżi tat-Tielet Dinja.
Malta tikber fl-ekonomija tagħha daqs kemm jikbru pajjiżi oħra fl-istess Unjoni Ewropea, iżda jekk ser nibqgħu nittolleraw Imprendituri Ewropej jitilqu l-investiment tagħhom f’pajjiżhom u jiftħu n-negozji tagħhom industrijali fiċ-Ċina, l-Indija u pajjiżi oħra, l-U.E ser tkompli tiftaqar, filwaqt li l-ħidma ta’ żieda ta’ regolamentazzjoni ma waqfet qatt. Din il-ħidma qed ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali relatati mal-kummerċ iżda li l-prezz ta’ dan l-iżvilupp qed jagħmilha iżjed diffiċli li n-negozji tagħna jikkompetu mal-kompetittivita’ tas-swieq Ċiniżi jew Indjani jew ta’ terzi pajjiżi ohra.
Illum wasalna li, kemm f’Malta kif ukoll fil-pajjizi ta’ l-Unjoni Ewropea, ngħidu lill-popli rispettivi tagħna biex, bħala konsumaturi, jixtru prodotti manufatturati f’pajjiżhom kemm-il darba jridu jaraw li jsalvaw l-impjiegi tagħhom u ta’ wliedhom.
Meta nħares lejn is-sitwazzjoni li qed jiffaċċja kull min qiegħed fin-negozju nara li s-sħubija ġiet f’mument opportun, u li kieku pajjiżna ma kienx membru ta’ l-Unjoni Ewropea dan iż-żmien kien ikun aktar diffiċli milli hu. Dan għaliex il-morsa li kien jinqabad fiha pajjiżna fil-konflitt tas-suq globalizzat kienet tkun ferm aktar perikoluża. Wara sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, rajna prezzijiet li roħsu u żieda ta’ l-attivita’ kummerċjali li wasslet għal żieda fil-kompetittivita’. Iżda li kieku ma konniex membri kien ikollna ngħaddu mill-esperjenza ta’ żieda fil-prezz taż-żejt bħala suq magħluq, iżolat bejn l-Ewropa u l-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ fuq. Pajjiż iżolat fost il-pajjiżi tat-Tielet Dinja. Bil-cashflow ta’ l-imprendituri maqbuda għand il-Gvern għaliex konna nibqgħu bis-sistema li ma’ l-importazzjoni mill-Unjoni Ewropea tibqa’ titħallas il-VAT. Dan jammonta f’cashflow ta’ madwar 20 miljun lira. Kieku ma konniex membri ta’ l-Unjoni Ewropea, ma kienx ikollna l-attrazzjoni għall-investiment industrijali. Filwaqt li kien ikollna nġorru l-piż kollu ta’ l-investiment għal ambjent aħjar mingħajr għajnuna mill-Unjoni Ewropea, għaliex l-ambjent xorta waħda kien ikollna l-ħtieġa li nnaddfuh. Kien ikollna l-bdiewa tagħna bla għajnuna ta’ sussidji u l-manifattura bla għajnuna mill-Unjoni Ewropea.
Kieku bqajna barra u sena ilu ma dħalniex, kieku llum pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni ħażina ħafna. Illum għandna sfidi li nistgħu inbiddlu f’opportunitajiet, iżda li kieku ma dħalniex kien ikollna sitwazzjoni fejn konna rridu naraw kif nagħmlu xi ftehim ma’ pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea jew pajjiżi terzi biex forsi konna nistgħu ngħidu li aħna qrib ta’ xi ħadd.
Jiena nemmen li din ir-realta’ għenet biex illum pajjiżna u n-negozji żgħar tagħna jistgħu iħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu. F’pajjiżna għandna x-xogħol iżda l-ilment huwa li dan huwa mqassam bejn ħafna. Neħtieġu Unjoni Ewropea li finanzjarjament tqum fuq saqajha kemm jista’ jkun malajr. Is-suċċess tagħna jiddependi ħafna fuq tal-ġirien tagħna.
Quddiem din ir-realta’, din il-konferenza tagħmel sens, iżda biex dan is-servizz jilħaq il-milja tiegħu għandna bżonn eżerċizzju ieħor ta’ economic growth fl-Unjoni Ewropea.
Qed nagħmel dan it-tip ta’ diskors għaliex f’okkażjoni bħal din, meta magħna għandna uffiċjali li jaħdmu f’direttorati fl-Unjoni Ewropea li jispeċjalizzaw fil-kordinazzjoni ta’ servizzi aktar effiċjenti f’suq wieħed, nemmen li huwa l-waqt li dawn sħabna uffiċjali jifhmu aktar x’inhi l-preokupazzjoni tas-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar f’pajjiżna.
Nifhem ukoll li ma jistax ikollna economic growth kemm-il darba kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea ma jarax li jirbaħ fuq il-preġudizzju li jista’ jkollu fuq min huwa żgħir fin-negozju tagħna. Illum kull pajjiż meta qed jitlef in-negozjanti l-kbar, qed jintebaħ li s-saħħa tiegħu hija fin-negozji żgħar li qatt ma jiċħdu lil pajjiżhom. Kull ekonomija, inkluż tagħna, ma tistax tibqa’ tgħabbi fuq in-negozji żgħar tagħna regolamenti ġodda li jfissru spejjeż ġodda. L-ebda deficit nazzjonali ma jista’ jitfejjaq jekk wara li jitfejjaq joħloq deficit fl-attivita’ kummerċjali u fil-but tal-konsumaturi. L-ebda deficit nazzjonali ma jista’ jitfejjaq kemm-il darba jibqa’ jkollna xiri bl-addoċċ u bla kontroll minn pajjiżi terzi. Internament huwa meħtieġ li jkollna ‘the four freedoms of movement’ bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, iżda xi darba jrid ikollna regolamentazzjoni ċara ta’ x’negozju jista’ jibqa’ jsir ma’ pajjiżi terzi fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Ovvjament hawn il-konsumatur irid jingħata l-attenzjoni tiegħu, għaliex huwa bil-prodotti ta’ dawn il-pajjiż terzi li l-kompetizzjoni għall-fini ta’ prezzijiet tissaħħaħ.
Id-deficit Nazzjonali ta’ kull pajjiż jitnaqqas u kull ekonomija tikber daqs kemm ikollna l-kapaċita’ li ngħinu biex kull attivita’ kummerċjali jitnaqqsulha l-ispejjeż u regolamentazzjoni li ma jagħmlux sens. Jiena qed nara sforz ġenwin min-naħa tal-Gvern Malti lejn din id-direzzjoni u qed jittieħdu diversi inizjattivi biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tissaħħaħ. Baqa’ ħafna xi jsir u nawgura li pass importanti isir hawn: ejjew nagħmlu committment lil xulxin li nagħmlu ħilitna biex intejjbu l-effiċjenza tal-ħidma tagħna u ngħinu biex titjieb l-effiċjenza ta’ kull uffiċjal fis-servizz pubbliku biex kull imprenditur jara f’kull uffiċjal tal-Gvern is-sieħeb tiegħu fis-suċċess tan-negozju tiegħu, u mhux jara fih dak li kull ma jrid huwa li jżid piż li n-negozji ma jkunux jifilħu jġorru.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946