Left arrow Go Back

IL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI JWIEĠEB GĦAL DISKORS LI GĦAMEL IL-KAP TA’ L-OPPOŻIŻŻJONI

PR0588
Date Icon 27/04/2005

Dak qal il-Kap ta’ l-Oppożiżżjoni fi żjara li għamel lil Megabyte Ltd hu prova sorprendenti ta’ kemm hu l-bogħod dak li jgħid l-Onor. Dr. Alfred Sant,  Kap ta’ l-Oppożiżżjoni, minn dak li għamel Dr. Alfred Sant, bħala Kap tal-Gvern.  

Fid-diskors tiegħu għal Jum il-Ħaddiema, Dr. Alfred Sant qal li “pajjiżna jixraqlu jinvesti iktar fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika għax il-prospetti huma kbar. Il-ħidma f'dan il-qasam trid tissaħħaħ u pajjiżna għandu bżonn jinvesti fit-talenti tal-ħaddiema, għax l-ekonomija tagħna għandha bżonnhom. Hemm bżonn ukoll li iktar żgħażagħ jidħlu għall-istudji tagħhom f'dan il-qasam.”  

Dan il-kliem hu ta’ l-iskantament meta joħroġ minn fomm il-bniedem li meta kien Prim Ministru qaċċat l-infieq u l-investiment tal-Gvern fit-teknoloġija għall-operat tiegħu; u l-infieq u l-investiment tal-Gvern biex it-tfal ta’ l-iskola jużaw it-teknoloġija fl-edukazzjoni tagħhom bi kwart. Dr. Alfred Sant kien ukoll il-Prim Ministru li fforma l-MITTS f’kumpanija kummerċjali li tuża l-finanzi pubbliċi biex tikkompeti mas-settur privat għal kuntratti ta’ servizzi teknoloġiċi.  

Dr. Alfred Sant kien laħaq Prim Ministru bil-wegħda li jżarma l-istruttura fil-Gvern li kienet tieħu ħsieb il-promozzjoni ta’ l-użu tat-teknoloġija fil-Gvern. Minflok żarmaha, Dr. Alfred Sant bħala Prim Ministru, ittrasforma dik li kienet l-MSU fil-MITTS; u għamilha tikkompeti mas-settur privat għal kuntratti pubbliċi.  

Il-Gvern Nazzjonalista mill-1998 ‘l hawn, bidel din il-politika u xtara l-bżonnijiet teknoloġiċi tiegħu mingħand is-settur privat. Dan serva biex is-settur privat felaħ jinvesti u jimpjega n-nies bi klientela sostenibbli biżżejjed sakemm jirnexxielu jidħol għal xogħol ta’ klientela privata u internazzjonali. Din kienet differenza konkreta bejn politika ġenwinament favur investiment u inizjattiva privata u l-politika monopolista tal-Gvernijiet Laburisti, inkluż ta’ Dr. Alfred Sant.  

L-ostilità għat-teknoloġija, li hi tradizzjoni antika għall-Partit ta’ l-Oppożiżżjoni, nbidlet fl-aħħar żmien għal indifferenza.  

Waqt li fl-1996, il-Gvern Nazzjonalista kien iddedika Lm2.1 miljun għal infieq fit-teknoloġija fil-klassijiet tat-tfal ta’ l-iskola, il-Gvern ta’ Dr. Sant ra dan bħala infieq żejjed u naqqsu b’Lm540,000. Gvern Laburista bil-fatti wera li m’hux minnu dak li jgħid il-Kap ta’ l-Oppożiżżjoni bil-kliem.  

Is-soċjetà ta’ l-informazzjoni ma kienitx fuq l-aġenda tal-Partit Laburista qabel l-2003, il-Partit Laburista rrealizza li l-ħidma tal-Gvern preżenti f’dawn is-snin kienet qed tħalli l-frott u li t-teknoloġija verament tista’ tagħmel differenza lill-ekonomija u lill-kwalità tal-ħajja tal-Maltin.  

Żgur m’hux grazzi għat-tnaqqis fl-investiment tal-Gvern Laburista, li llum:

      ·        aktar minn nofs il-Maltin jużaw l-Internet;

·        Malta hi fost l-għaxar pajjiżi Ewropej bl-akbar rata t’użu tal-broadband;

·        Tlett kwarti tal-Maltin jużaw il-mobile;

·        il-parti l-kbira tas-servizzi tal-Gvern huma on line;

·        studenti Maltin qed jingħataw ċertifikazzjoni internazzjonali minn ażjendi 

         bħas-CISCO, Microsoft u Oracle;

·        id-djar Maltin illum jifilħu jħallsu għal hardware, software u Internet bi prezzijiet irħas;

·        it-tfal ta’ l-iskejjel primarji Maltin huma fost l-aktar familjari mal-kompjuters fl-Ewropa.  

Dawn il-kisbiet reali saru bl-inizjattiva tal-Gvern prezenti, li iżda ma ħasibx (kif dejjem ħasbu Gvernijiet Laburisti) li l-ġid għandu jinħoloq minkejja s-settur privat, anzi l-ġid jinħoloq flimkien mas-settur privat.  

It-tkabbir tas-settur tat-teknoloġija li faħħar tant il-Kap ta’ l-Oppożiżżjoni  din il-ġimgħa hu lezzjoni lill-istess Dr. Alfred Sant dwar kif il-politika tal-Gvern Nazzjonalista bniet dan is-settur mir-radam li ħalla warajh Dr. Alfred Sant, meta bħala Prim Ministru, ipprova jħottu.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow