DIRETTURI TA’ L-AIR MALTA PLC
Il-Gvern illum ikkonferma lis-Sur Lawrence Zammit bħala Chairman ta’ l-Air Malta plc. Is-Sinjuri Euchar Mizzi, Joe Fenech Conti, Michael Soler, Paul Bonello u Noel Radmilli ġew konfermati Diretturi. Il-ħatra tagħhom hi valida sal-21 t’April 2006.
F’ittra lis-Sur Ray Arpa, il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni Austin Gatt infurmah li l-pożizzjoni ta’ Direttur-Ħaddiem m’hix ser tibqa’ titħaddem f’din l-ażjenda.
Il-Ministru Gatt stqarr li l-ħolqien tal-Kunsill tax-Xogħol fl-Air Malta hu riżultat konkret ta’ l-impenn tal-management u ta’ l-impjegati li jaħdmu flimkien biex tirnexxi l-kumpanija tagħhom.
L-esperjenza tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-Air Malta kienet lezzjoni importanti li ispiraw il-prinċipji li fuqhom inbena l-Kunsill tax-Xogħol. L-akbar diffikultà fil-pożizzjoni ta’ Direttur-Ħaddiem hi l-paradoss bejn ir-rwol definit bil-liġi ta’ Direttur li jirrapreżenta l-interess ta’ sid l-ażjenda u minn naħa l-oħra ta’ rappreżentant tal-ħaddiema.
Il-Ministru Gatt irringrazzja lis-Sur Ray Arpa għall-14-il sena servizz bħala Direttur-Ħaddiem u awguralu għall-ġejjieni bħala impjegat ta’ l-ażjenda.
Il-Kunsill tax-Xogħol din is-sena ltaqa’ darbtejn u hu skedat li jerġa’ jiltaqa’ f’Mejju 2005. Fost materji oħra l-Kunsill tax-Xogħol iddiskuta l-Budget ta’ l-ażjenda; is-sitwazzjoni finanzjarja; il-kompetizzjoni fis-settur tal-ground handling; u l-introduzzjoni ta’ revenue management fil-grupp.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946