TMINTAX IL-NUTAR JINGĦATAW IL-WARRANT
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Dr Tonio Borg ippreżenta l-warrants lil tmintax-il nutara ġodda.
Wara li ferah lin-nutara ġodda, il-Ministru Borg qal li ma jistax ma jenfasizzax il-ħtiega li n-nutara kollha jaġixxu professjonalment u jimxu dejjem skond il-liġi. Skond il-Ministru Borg, ħidmet in-nutar għandha tkun dejjem ‘above board’ biex jiġi assigurat li r-reputazzjoni professjonali notarili tinżamm ‘l fuq minn kull suspett. Mhux biżżejjed li n-nies tgħid li nutar jagħmel kuntratt tajjeb iżda importanti li tgħid li huwa nutar tajjeb u jimxi b’mod diliġenti. Huwa qal li n-nutar, bħala uffiċjal pubbliku għandu dejjem iżomm l-indipendenza u jkun imparzjali.
Il-Viċi Prim Ministru qal li bħalissa il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern flimkien mal-Kunsill Notarili qed jaħdmu biex jitħejja Kodiċi ta’ Etika għan-nutara. Dan il-Kodiċi għandu jkun ta’ referenza mportanti għan-nutara fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Ministru Tonio Borg għalaq billi awgura lin-nutara ġodda suċċess fix-xogħol delikat taghom. Huwa awgura ukoll li r-relazzjoni tajba li teżisti bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Kunsill Notarili tkompli tissaħħah għal ġid tal-professjoni tan-nutara kif ukoll għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Preżenti għall-preżentazzjoni kien hemm Dr Roland Wedge, Viċi President tal-Kunsill tan-Nutara u Dr Cora Vella, Nutar tal-Gvern.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946