Left arrow Go Back

ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TAR-REGOLAMENTI DWAR IL-LIBERTA’ TA’ AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI DWAR L-AMBJENT ISAĦĦAĦ L-IMPENN TAL-GVERN FAVUR IT-TIXRID BLA XKIEL TA’ INFORMAZZJONI AMBJENTALI

PR0539
Date Icon 18/04/2005

Ir-regolamenti l-ġodda ta’ l-2005 dwar il-libertà ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent daħlu fis-seħħ wara li ġew approvati mill-Gvern.  Dawn ir-regolamenti jieħdu post regolamenti oħrajn bl-istess isem li kienu harġu fl-2003.  Dan it-tibdil kien meħtieġ  minħabba li bħala Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta kellha ġġib fis-seħħ id-direttiva 2003/4 dwar il-libertà ta’ aċċess għal informazzjoni.  Dawn ir-regolamenti se jkomplu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali.  

F’kummenti li ta wara l-publikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li dan il-pass ikompli jikkonferma kemm il-Gvern hu dispost li jkompli jagħti aċċess bla xkiel lill-poplu fir-rigward ta’ informzzjoni ambjentali.  Hu qal li l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jagħmel l-istituzzjonijiet li jirregolaw l-ambjent dejjem aktar aċċessibli biex b’hekk l-informazzjoni ambjentali titwassal bl-aħjar u bl-eħfef mod.  

Il-Ministru Pullicino qal li s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea qed twassal ukoll biex pajjiżna jimxi fuq l-ogħla standards f’setturi tant importanti bħalma hu l-ambjent.  

Intant, dawn ir-regolamenti l-ġodda jesiġu aktar konsistenza min-naħa ta’ l-awtoritajiet dwar il-mod kif iwasslu l-informazzjoni, kif ukoll iżidu l-livell ta’ aċċess għal informazzjoni meta mqabbla mar-regolamenti l-antiki li kienu ħarġu fl-2003.  Ir-regolamenti għandhom l-għan li jiżguraw li l-informazzjoni ambjentali tkun aċċessibbli b’mod sistematiku u li titwassal bl-aktar mod effettiv lill-pubbliku in ġenerali.

Dawn ir-regolamenti jobbligaw lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu aċċess lill-pubbliku ghal informazzjoni ambjentali li huma għandhom, jew li jista’ jkollhom fil-pussess tagħhom.  Dawn ir-regolamenti jistipulaw ukoll li biex persuna titlob għal xi informazzjoni, m’huwiex meħtieġ li l-istess persuna tipprova li għandha xi interess fis-suġġett. Ir-regolamenti jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet għandhom jgħaddu immedjatament lill-pubbliku kull tip ta’ informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ xi theddida lis-saħħa u l-ambjent.  L-awtoritajiet għandhom żmien ta’ xahar minn mindu jirċievu d-domanda għall-informazzjoni bħala ż-żmien stipulat biex din l-istess informazzjoni tgħaddi lill-pubbliku.  

Ir-regolamenti jispeċifikaw ukoll sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet jistgħu ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba.  Dan jinkludi każijiet fejn l-informazzjoni ma teżistix, meta xi informazzjoni tkun ta’ natura kummerċjali u kundifenzjali, jew fejn l-informazzjoni għadha mhix kompluta.  Madanakollu, l-awtoritajiet huma obbligati li jagħtu raġuni kull meta ma jipprovdux l-informazzjoni u dettalji dwar il-proċedura ta’ reviżjoni li tkun se tiġi użata.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow