ATTRAZZJONI TURISTIKA ANNWALI GĦAL GĦAWDEX
Din is-sena l-parteċipazzjoni fil-Karnival t’Għawdex kienet waħda rekord kif kien ukoll in-numru ta’ dawk li attendew l-attivitajiet organizzati fl-enclosure. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex fl-okkażjoni tat-tqassim ta’ premijiet lill-parteċipanti tal-Karnival 2005.
Il-Ministru Debono tkellmet dwar l-impenn min-naħa tal-Kumitat Organizzativ – Kultura (Ministeru għal Għawdex) sabiex il-Karnival ta’ din is-sena ngħata spinta iktar qawwija. Fil-fatt, din is-sena, il-Karnival ra tibdiliet diversi, fosthom l-introduzzjoni tal-Karnival Folkloristiku, il-wirja tal-Karnival, is-sehem tal-kumpaniji ta’ l-iskejjel kollha t’Għawdex fi ġranet addizzjonali, kif ukoll l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kategorija Hilarious li lkoll issarrfu f’attivita’ li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-poplu.
Il-Ministru Debono qalet li din is-sena, il-Karnival t’Għawdex kien jinkludi iktar minn 50 item imqassma f’disa’ kategoriji differenti – żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni meta mqabbla ma’ snin oħra. Il-Ministru Debono rreferiet għal din il-festa popolari bħala waħda li, sena wara l-oħra, qed tissarraf f’attrazzjoni turistika għal Għawdex. Fil-fatt, statistika ppubblikata mill-kumpanija Gozo Channel turi biċ-ċar kif, anke din is-sena, it-tmiem il-ġimgħa tal-Karnival ġab miegħu żieda ta’ iktar minn 1,500 passiġġier meta mqabbla ma’ l-istess perijodu tas-sena li għaddiet.
Il-Ministru Debono irringrazzjat lill-parteċipanti kollha li din is-sena taw is-sehem tagħhom sabiex il-Karnival t’Għawdex kompla joffri varjeta’ u spettaklu, filwaqt li qassmet premjijiet li jammontaw għal Lm15,000 lill-parteċipanti kollha.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946