ĦILIET BAŻIĊI GĦALL-ADULTI
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni għadu kemm waqqaf ‘Working Group’ dwar il-Ħiliet Bażiċi ta’ l-Adulti. L-iskop ewlieni ta’ dan il-Grupp huwa li jsawwar u jipproponi Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi għall-adulti. Bħala waħda mill-ewwel attivitajiet tiegħu, il-Grupp qed jorganizza Seminar Nazzjonali ta’ Konsultazzjoni li kien inawgurat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea. Permezz ta’ dan is-Seminar, l-imsieħba soċjali kollha fil-pajjiż ġew mistiedna biex jagħmlu l-proposti tagħhom biex eventwalment jissawwar Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar il-ħiliet bażiċi għall-adulti. Dan is-seminar qed isir fis-sala ta’ l-iskola ta’ Ħ’Attard.
Din is-sena, id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni qed torganizza 393 korsijiet ta’ filgħaxija għal 6,570 student f’firxa wiesgħa ħafna ta’ suġġetti filwaqt li fil-korsijiet għall-adulti qed jattendu 'l fuq minn 1,100 student. L-għadd ta' studenti nisa f'dawn il-korsijiet huwa aktar mid-doppju ta' l-irgiel.
Skond statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, matul is-sena 2003 ’il fuq minn 15,000 persuna attendew xi kors ta’ tagħlim jew taħriġ mogħti minn waħda mill-istituzzjonijiet li joffru tagħlim u taħriġ għall-adulti. Dan juri żieda ta’ 32% fuq is-sena ta’ qabel. Fis-settur privat, ir-rata ta’ parteċipazzjoni żdiedet bi 15% għal kważi 3,200. Żidiet oħra kienu reġistrati fiċ-Ċentri ta’ l-Edukazzjoni għall-Adulti, li minn 900 fl-2002 telgħu għal kważi 1,300 fl-2003.
Fil-ftuħ tas-Seminar il-Ministru Galea qal li fl-aħħar snin żdiedet l-importanza li qed tingħata lil dan is-settur. “B’edukazzjoni m’għadniex nifhmu biss l-edukazzjoni obbligatorja imma magħha rridu ninkludu kemm l-edukazzjoni bikrija fl-ewwel snin ta’ ħajja kif ukoll l-edukazzjoni f’livelli ogħla u l-edukazzjoni kontinwa tul il-ħajja. Il-Maltin dan qed jirrikonoxxuħ u fil-fatt fl-aħħar snin bdejna naraw żidiet kbar fin-numru u fil-firxa ta’ persuni li qed isegwi korsijiet differenti kemm f’istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll fil-privat. Filwaqt li dan jista’ jkun riżultat ta’ l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, aktar ma jkollna taħriġ f’kull livell aktar se nixprunaw l-istess ekonomija.” Madankollu, tenna l-Ministru Galea, għad hemm diversi persuni li minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet u taħriġ qed isibuha diffiċli jkomplu fix-xogħol u l-ħajja tagħhom. Din il-problema qed jiffaċċjawha diversi pajjiżi anke dawk l-aktar żviluppati u fil fatt diversi pajjiżi ħejjew strateġiji nazzjonali għal dan is-settur.
Louis Galea qal li l-Gvern poġġa lill-edukazzjoni bħala waħda mit-tlett prioritajiet tiegħu u għalhekk iż-żmien hu opportun biex nindiriżżaw b’mod aktar qawwi s-settur tal-ħiliet bażiċi ta’ l-adulti. Għaldaqstant irridu noħolqu strateġija għall-ħiliet bażiċi ta’ l-adulti li tkun tinkludi t-titjib tal-litteriżmu, tal-lingwa u tan-numeriżmu fost l-adulti. L-istrateġija trid tkun indirizzata b’mod partikolari lejn dawk li meta kienu żgħar ma laħqux edukazzjoni sekondarja li saret obbligatorja biss fl-ewwel snin tas-sebgħinijiet u dawk li telqu mill-iskola kmieni mingħajr ma kisbu livell bażiku ta’ edukazzjoni.
Il-Ministru Galea qal li l-istrateġija nazzjonali filwaqt li tipprovdi miri ċari u benchmarks ma xiex wieħed jista’ jqabbel, trid tkun flessibbli biżżejjed biex tipprovdi għall-bżonnijiet ta’ l-individwi. “Kull persuni se tiġi għandna b’bagalja ta’ ċirkostanzi u ħiliet li jridu jiġi kkunsidrati meta nfasslu l-programm edukattiv li rridu nagħtuhom biex jilħqu l-milja tagħhom.”
Biex issir din l-istrateġija il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni waqqaf Grupp ta’ Ħidma immexxi mis-Sur Anthony Degiovanni direttur fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u jinkludi lill-Prof. Peter Mayo mill-Universita’ ta’ Malta u s-Sur Maurice Moffett mill-ETC, is-Sur Sando Spiteri mill-FES u s-Sur David Muscat mill-MCAST. Il-Grupp hu mistenni li jagħmel analiżi tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-ħiliet bażiċi ta’ l-adulti f’Malta u jagħmlu paragun ma’ l-Adult International Literacy Survey (AILS). Biex il-grupp ikollu veduti mill-aktar wiesgħa tas-sitwazzjoni u x’irid isir għall-futur, se jkun qed jagħmel diversi sessjonijiet ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fil-qasam. Hu mistenni li l-Grupp jiġbor eżempji ta’ l-aħjar prattiċi f’pajjiżna li jindirizzaw strateġiji eżistenti bħal ma huma l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Impjiegi u l-Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Dan is-Seminar hu l-ewwel f’sensiela ta’ inizjattivi ta’ dan il-Grupp.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946