SKEJJEL TAS-SAJF
Il-miżati mitluba għal programmi edukattivi fis-sajf li ġej huma eżenti mit-Taxxa tal-Valur Miżjud (VAT) kif imfisser f’din l-istqarrija tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.
Il-miżati għal programmi edukattivi fil-vaganzi tas-sajf 2005, għal tfal/studenti bejn l-etajiet ta’ tlieta u sittax-il sena, offruti minn entijiet, li m’humiex diġa` liċenzjati bħala skola skond l-Att dwar l-Edukazzjoni, huma eżenti mill-VAT mingħajr kreditu kemm il-darba jiksbu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-Ministeru permezz tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Din l-eżenzjoni mill-VAT ma tapplikax għal programmi (li diġa` huma soġġetti għall-ħlas tal-VAT) li jipprovdu korsijiet ta’ edukazzjoni formali li jwasslu għal eżamijiet jew kwalifiċi formali offruti minn entijiet li mhumiex liċenzjati bħala skola.
Biex programm jiġi reġistrat irid ikun programm tul il-vaganzi tas-sajf għal żvilupp edukattiv li jipprovdi tagħlim skond il-Kurrikulu Nazzjonali u li jkun jinkludi attivitajiet kreattivi għal tfal/studenti ta’ l-etajiet indikati.
Il-persuna legalment responsabbli mill-istituzzjoni li tapplika għar-registrazzjoni tal-programm edukattiv imsemmi trid turi li dawk li ser imexxu l-programm huma jew għalliema kwalifikati jew assistenti ċertifikati tal-kindergarten, jew persuni bi grad universitarju, jew studenti ta’ l-Universita` fil-Fakulta` ta’ l-Edukazzjoni jew ta’ l-MCAST fl-Istitut għal Servizzi fil-Komunita` jew ‘facilitators’.
Kull min japplika għal reġistrazzjoni kif imsemmi aktar `l fuq, irid jassigura wkoll li l-bini ikun adatt kif jitolbu kriterji stabbiliti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u jiddikjara li qed jidħol responsabbli għas-saħħa u s-sigurta` tat-tfal/studenti li jattendu għall-programm sew meta l-attivitajiet isiru fil-post indikat fir-reġistrazzjoni, kif ukoll meta jsiru barra minnu. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tirriserva d-dritt li tispezzjona l-programmi u l-postijiet fejn ikunu qed isiru, kif ukoll li twaqqafhom jekk jidhrilha li ma jkunx fl-interess tat-tfal/studenti li l-programmi jkomplu.
Kull persuna li toffri programm edukattiv bħal dawk imsemmija f’din l-istqarrija għandha tinforma lill-ġenituri/kuraturi ta’ tfal/studenti b’kull miżata jew ħlas ieħor involut qabel tilqa` applikazzjonijiet.
Iċ-ċertifikat li jingħata mill-Ministeru/Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni wara l-aċċetazzjoni jkun jgħodd biss għas-sajf 2005. Formoli għar-registrazzjoni jistgħu jinġabru mill-uffiċċju tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u d-data ta’ l-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-30 ta’ Mejju, 2005.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946