IL-JUM DINJI TAS-SAĦĦA 2005: “MAKE EVERY MOTHER AND CHILD COUNT”
F’Malta għandna servizzi tas-saħħa mill-aqwa kemm għall-ommijiet kif ukoll għall-ulied, tant li f’rapport maħruġ fl-2004 mill-UNICEF jirriżulta li pajjiżna għamel l-akbar qabża pożittiva fin-numru ta’ mwiet ta’ trabi. Il-progress tagħna hu ta’ 8.6% fl-aħħar tnax-il sena. L-ogħla rata fost il-pajjiżi industrijalizzati.
Il-Ministru Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qal dan meta kien qiegħed jindirizza lill-media fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa din is-sena qed tiffoka fuq is-saħħa ta’ l-omm u l-ulied bit-tema Make every mother and child count. Din is-sena l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed timmira li permezz ta’ dan il-Jum:
· tqajjem kuxjenza dwar l-ammont ta’ mard, tbatija u mwiet ta’ ommijiet u ulied u l-impatt
li dan ikollu fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.
· tfiehem li jeżistu soluzzjonijiet għal din il-problema.
· toħloq moviment b’responsabiltà kollettiva għall-azzjoni biex jissaportja programmi u
servizzi għall-ommijiet u ulied u biex dan il-moviment jistinka biex dawn ikollhom
aċċessibilità għal servizzi bażiċi tas-saħħa.
Il-WHO issostni li ommijiet u ulied b’saħħithom huma l-pedamenti għall-prosperità ta’ komunitajiet u nazzjonijiet sħaħ. Għalhekk l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’Marzu ħarġet policy briefs dwar materji ta’ saħħa li jirrigwardjaw is-saħħa ta’ trabi u tfal.
Il-Ministru kompla billi qal li f’pajjiż żviluppat bħal tagħna wieħed ma jsibx problemi ta’ saħħa għall-ommijiet u wlied li wieħed isib f’pajjiżi sotto żviluppati. Dan, grazzi għas-servizzi tas-saħħa li ommijiet u wlied jingħataw f’pajjiżna. Servizzi li jindirizzaw problemi u diffikultajiet sa minn qabel persuna tidħol għall-maternità. Id-Diviżjoni tas-Saħħa permezz tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa tieħu diversi inizjattivi biex l-ommijiet ikunu aktar konxji dwar problemi relatati mat-tqala kif ukoll wara t-twelid. Id-dipartiment ħareġ numru ta’ publikazjonijiet dwar dan u matul is-sena li għaddiet kien membru fundatur flimkien ma’ 36 organizzazzjoni oħra fit-twaqqif tal-moiviment The wellbeing of the Unborn Child.
L-għan ta’ din l-organizzazzjoni hu biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa pre-konċezzjonali u l-għażliet li l-ġenituri jagħmlu waqt it-tqala biex it-tarbija jkollha bidu ta’ ħajja b’saħħitha. Id-dipartiment għaddej ukoll b’kampanja kontinwa anki fost it-tfal dwar ikel bnin u dwar il-ħalib tal-omm.
Il-gvern permezz tal-Gynae clinic u l-well-baby clinic joffri minn kull Ċentru tas-Saħħa għadd ta’ servizzi indirizzati lill-ommijiet kemm qabel kif ukoll wara t-tqala. Permezz tal-well-baby clinic jiġi segwit l-iżvilupp tat-tfal fl-ewwel xhur ta’ ħajjithom u ommijiet jingħataw pariri dwar breast feeding.
It-tfal kollha Maltin jibbenefikaw ukoll mill-“School Medical Services” li jħaddmu programm ta’ monitoraġġ u sorveljanza fuq it-tfal fl-iskejjel pubbliċi, skejjel tal-knisja u special schools b’enfasi fuq pevenzjoni, promozzjoni tas-saħħa u identifikazzjoni ta’ mard u difetti fiżiċi kmieni kemm jista’ jkun. It-tfal jiġu eżaminati meta jidħlu l-iskola u jiġu ri-eżaminati fl-età ta’ 8 snin u 12-il sena. Barra minhekk jiġu mlaqqma’ kontra l-gattone, ħosba, rubella, tuberkolosi u hepatitis B. Is-servizz jipprovdi wkoll għall-iscreening ta’ l-iskoljosi, vista ta’ l-għajnejn u riferimenti dwar snien u problemi ta’ speech. Dan is-servizz huwa utli ħafna biex ċertu mard jinqabad fi stadju kmieni u hekk wieħed ikun jista’ jieħu l-miżuri adegwati.
Fl-isptar San Luqa jingħataw ukoll diversi servizzi indirizzati kemm għall-ommijiet waqt it-tqala kif ukoll għat-trabi. Fost dawn hemm l-anti-natal clinic, parent craft classes, breast feeding clinic kif ukoll servizz ta’ social workers.
Dawn is-servizzi jingħataw minn professjonisti dedikati u x-xogħol tagħhom jidher mis-suċċessi bħal fin-numru żgħir ta’ mwiet ta’ trabi li jkollna u trabi ferm b’saħħithom. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li s-suċċessi tagħna jikbru meta wieħed jikkonsidra li f’Malta m’ghandniex abort. F’pajjiżi oħra hu permess li jsir abort u spiss jiġri li f’każi ta’ tqala komplikata dan isir, filwaqt li f’Malta ma jsirx, temm jgħid il-Ministru Deguara.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946