DISKORS MILL-PRIM IMĦALLEF FL-OKKAŻJONI TAL-ĠURAMENT TA’ LEALTA` U ĠURAMENT TAL-KARIGA MINN AVUKATI U PROKURATURI LEGALI ĠODDA – QORTI TA’ L-APPELL, VALLETTA
Sur President tal-Kamra ta’ l-Avukati, u Sur President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali,
Sinjuri Avukati Anzjani,
Kollegi Avukati u Sinjuri Prokuraturi Legali:
Mhux bi żball li lilkom l-Avukati, illum li tistgħu tibdew teżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fl-Qrati tal-Ġustizzja f’Malta, qed insejħilkom “kollegi” u mhux sempliċement “sinjuri avukati”. L-Imħallef, il-Maġistrat u ċertament ukoll il-Prim Imħallef, minkejja l-kariga u r-responsabbilta` li għandu, huwa wkoll avukat, u bħalkom l-ewwel għazel li jibda jaħdem f’dawn il-Qrati bħala avukat.
L-avukat, minn meta jieħu l-ġuramenti li intom illum ħadtu, speċjalment dak tal-kariga, jibda biex, flimkien ma’ ħafna nies oħra li lkoll ghandhom rwoli differenti, jipparteċipa, ikun “kollaboratur”, fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Jien u sħabi l-Imħallfin u l-Maġistrati ġejna msejħa mill-Istat Malti biex, fuq livell differenti minn tagħkom, nipparteċipaw f’din l-amministrazzjoni tal-ġustizzja – ġustizzja li, veru, tibqa’ dejjem waħda fallibbli għax hija ġustizzja umana, izda ġustizzja xorta waħda. Anzi, fl-amministrazzjoni ta’ din il-ġustizzja aħna jkollna l-aħħar kelma fir-risoluzzjoni tal-vertenzi li jinqalgħu bejn iċ-ċittadini jew bejn iċ-ċittadin u l-Istat. Pero` difficli wieħed jimmaġina kif aħna l-Ġudikanti nistgħu nassolvu sew l-inkarigu tagħna mingħajr l-għajnuna ta’ l-avukati li jidhru għall-partijiet fil-kawża, li jagħmlu s-sottomissjonijiet u jfissru l-fehmiet – ħafna drabi differenti jekk mhux addirittura kontrastanti għall-aħħar – tal-partijiet, kif ukoll li jagħmlu referenza għall-ġurisprudenza u għad-diversi disposizzjoni tal-liġi li jistgħu talvolta jkunu relevanti f’dak il-kaz partikolari. U b’mod differenti jgħinu wkoll il-prokuraturi legali, li għalkemm għandhom dritt ta’ udjenza f’ċerti qrati, jibqgħu essenzjalment dawk li xogħlhom hu konness mar-reġistru u ma’ l-atti, cioe` li jaraw li l-atti jinġiebu quddiem il-Qorti kif suppost u meta suppost.
Naħseb li ftit huma dawk in-nies li verament japprezzaw ix-xogħol delikat u importanti tal-prokuraturi legali, bl-atti li jiġu ppreżentati minnhom qabel il-kawża, waqt il-kawża u anke wara li l-kawża tkun ġiet deċiża. Hemm minn jgħid li fl-organizzazzjoni ta’ reġiment l-aktar importanti ma humiex il-fizzjali li jidhru fuq quddiem u jagħtu l-ordnijiet, l-anqas is-suldati li jagħmlu x-xogħol, iżda dawk tan-nofs – l-hekk imsejħa “non-commissioned officers” – li jieħdu ħsieb dak il-mekkaniżmu fl-organizzazzjoni tar-regiment li jagħmilha possibbli għar-regiment li jiffunzjona bħala tali. Hekk xi mindaqqiet nimmaġina wkoll il-prokuraturi legali (u nispera li ma jiħdux fastidju jekk nagħtihom xeħta militari!): huma jieħdu ħsieb dak il-mekkaniżmu f’forma ta’ dokumenti fir-rigward tal-bidu u tal-prosegwiment ta’ kawża, u ta’ dak li hu meħtieg wara li kawża tiġi deċiża, proprju biex id-deċiżjoni tal-Qorti ma tibqax kliem vojt iżda tkun tista’ tiġi eżegwita.
Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, illum inthom ħadtu ġurament, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, li fil-qadi tax-xogħol tagħkom timxu “bil-ħaqq u bis-sewwa u bir-reqqa kollha” – “faithfully and with all honesty and exactness” fit-test Ingliż tal-ġurament. Sakemm tibqgħu taħdmu f’dawn il-Qrati – u j’Alla ħamsin sena oħra tkunu fuq dawk il-bankijiet fejn illum hemm ftit mill-avukati li ħamsin sena ilu bħalkom ħadu l-ġuramenti skond il-liġi – tinsew qatt dawk it-tlett kelmiet: ħaqq, sewwa u reqqa. Ftakru li intom, bħala avukati jew prokuraturi legali, anke jekk tkunu impjegati mal-Gvern jew ma’ entitajiet pubbliċi oħra jew entitajiet privati, tibqgħu dejjem u qabel kollox professjonisti, marbutin mhux biss bil-ġurament li ħadtu u bil-liġi, iżda wkoll b’regoli ta’ natura deontoloġika. Intom m’intomx, u qatt ma għandkom jew tistgħu tkunu, sempliċi “hired guns”, ċioe` li tagħmlu kull ma jrid jew kull ma jitlob mingħandkom il-klient.
Kull pass li tagħmlu, qabel kull deċiżjoni li tkunu ser tieħdu, staqsu dejjem lilkom infuskom: dan hu skond il-ħaqq, dan hu skond is-sewwa, dan li qed nagħmel qed nagħmlu bir-reqqa kollha? Bħala professjonisti ma għandkom qatt timmedesimaw ruħkom mal-klient tagħkom, biex tkunu tistgħu dejjem u spassjonatament twieġbu għal dawn it-tlett mistoqsijiet; u jekk it-tweġiba għal xi waħda minnhom tkun fin-negattiv, ieqfu u tagħmlux dak li tkunu ser tagħmlu.
Huwa veru li, bħala professjonisti, għandkom dover u responsabbilta` kbira lejn il-klient li a nom tiegħu tkunu qed taġixxu, pero` dan mhux l-uniku dover jew l-unika responsabbilta` li ghandkom. Hemm ukoll id-dover u r-responsabbilta` lejn il-Qorti li quddiemha tkunu qed tidhru – ma għandkom qatt, per eżempju, deliberatament jew bi traskuraġni, tagħmlu xi haġa li biha tiżvijaw jew tistgħu tiżvijaw lill-Qorti, jew taġixxu b’mod li ttawlu inutilment il-kawża li fiha tkunu qed tidhru. U fl-aħħar nett hemm id-dover u r-responsabbilta` lejn is-soċjeta` li mhux biss ipprovdiet għall-edukazzjoni tagħkom, iżda li permezz tal-warrant li ngħatajtu ftit ta’ jiem ilu u tal-ġuramenti li llum ħadtu irrikonoxxiet il-kompetenza professjonali tagħkom u awtorizzatkom tibdew taġixxu ta’ avukati u prokuraturi legali f’dawn il-Qrati. Wieħed mid-doveri tagħkom lejn is-soċjeta` bħala professjonisti huwa li jekk persuna li tkun verament fil-bżonn u m’għandhiex mnejn tħallas titlob l-għajnuna tagħkom, intom tipprestawlha l-aħjar servizzi professjonali tagħkom b’xejn – dan ma naraħx bħala sempliċi obbligu morali, izda bħala obbligu ċiviku, għalkemm forsi, fl-istat tal-liġi kif inhi sa issa, mhux neċessarjament obbligu enforzabbli.
Għall-anqas hekk ġejt mgħallem jien mill-professuri tiegħi fl-Universita`, u hekk naf fiż-żgur li jiġixxu avukati ta’ l-affari tagħhom li maż-żmien kisbu r-rispett tal-pubbliku, a differenza ta’ dawk il-ftit li, sfortunatament, bl-imġieba tagħhom, jagħtu reputazzjoni ħazina lill-klassi legali.
Is-sena l-oħra, l-Assoċjazzjoni ta’ l-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta, li tagħha l-Imħallef Filletti li qieghed hawn fuq ix-xellug tiegħi huwa l-President, approvat “logo” għall-użu tagħha, u jien awtorizzajt l-użu ta’ dan il-“logo” anke mill-Ġudikatura kif ukoll minn Imħallfin u Maġistrati individwali. Il-“logo” huwa sempliċi hafna u forsi xi wħud minkom diġa’ rawħ fl-okkażjoni ta’ xi seminarju li sar bejn il-Judicial Studies Committee u l-Kamra ta’ l-Avukati: is-salib ta’ Malta kulur id-deheb fuq sfond iswed – l-istess bħalma jidher fuq l-istola li nilbsu fuq it-toga tagħna – b’miżien sovrapost fuq is-salib, u bil-kliem “Il-Ġudikatura – Malta” fuq u l-iskrizzjoni “Iustum Iudicium Iudicate” taħt.
Il-kliem bil-Latin huwa meħud mill-Vanġelju ta’ San Ġwann, Kapitlu 7, vers 24: Nolite iudicare secundum faciem, sed iustum iudicium iudicate – tiġġudikawx skond dak li jidher iżda iġġudikaw skond is-sewwa (jew, skond it-traduzzjoni ta’ Saydon, “…imma għamlu ħaqq fis-sewwa.”). Dan hu li kull ġudikant, mill-Qrati Inferjuri sal-Qorti Kostituzzjonali, jipprova jagħmel bil-pronunzjamenti ġudizzjarji tiegħu, u ċioe` li jiddeċiedi skond is-sewwa. U dak li jien u sħabi tal-Qorti ta’ l-Appell nippretendu mingħand kull wieħed u waħda minnkom li tagħzlu li taħdmu f’dawn il-Qrati huwa proprju li tgħinuna, lilna u lill-Ġudikanti l-oħra, niddeċiedu skond is-sewwa.
Ma baqgħali xejn ħlief li nawguralkom suċċess fil-ħajja professjonali tagħkom, u li tkunu ta’ gieħ għall-professjoni legali f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946