IMPENN TAL-GVERN BIEX JINQATGĦU L-ABBUŻI MILL-KAĊĊA U L-INSIB
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jaqta’ l-abbużi mill-kaċċa u l-insib.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt attivita’ li matulha kienu ppreżentati lill-media numru ta’ information panels li bdew jitwaħħlu mal-konfini ta’ santwarji ta’ l-għasafar. L-ewwel li se jitwaħħlu se jkunu fis-santwarji tal-Buskett u l-Għadira u dawn il-panels se jkomplu jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin.
Dawn il-panels saru bil-kollaborazzjoni tal-kumitat Ornis li jinkludi fih rappreżentanti kemm ta’ l-għaqdiet tal-kaccaturi kif ukoll ta’ l-għaqdiet ambjentalisti.
L-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent jelenka 23 sit bħala santwarji ta’ l-għasafar. F’kull sit ser jitwaħħlu madwar 20 panel li juru mappa bil-konfini tas-santwarji flimkien mad-dettalji ta’ fejn jistgħu jiġu rrapurtati abbużi minn individwi.
Dawn il-panels ġew iffinanzjati mill-fondi ta’ l-Environment Initiatives in Partnership Programme (EIPP) tal-MEPA. Dan huma finanzi li jkunu ġejjin minn kundizzjonijiet li tagħmel il-MEPA fuq permessi ta’ żvilupp.
Il-Ministru George Pullicino qal li l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex ir-regolamenti tal-kaċċa u l-insib ikunu mħarsa u l-Gvern qed jaħdem mill-qrib mal-Pulizija u l-Armata biex ikun hawn ko-ordinament aħjar tar-riżorsi.
Hu appella lill-għaqdiet tal-kaċċaturi u lill-kaċċaturi nfushom biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-Gvern u mal-forzi tas-sigurta’ sabiex titrażżan il-kaċċa illegali fi sforz biex ikunu salvagwardati l-għasafar protetti u jkun imħares dak li nkiseb fin-negozjati tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea.
Skond ċifri li tħabbru fl-istess attivita’ mill-Assistent Kummissarju Josie Brincat jirriżulta li matul is-sena l-oħra mal-442 kaċċatur u nassab tressqu l-Qorti minħabba reati varji.
Intant, l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem u s-summien hu miftuħ bejn il-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ Mejju. L-istaġun ta’ l-insib fuq seba’ speċi ta’ għasafar jkun miftuħ bejn l-1 ta’ Ottubru u l-10 t’April.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946