Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ LM1.4 MILJUN GĦALL-BINI TA’ TOROQ F’ŻONI INDUSTRIJALI

PR0443
Date Icon 23/03/2005

Miexi ġmielu x-xogħol li l-Gvern qed iwettaq bħalissa fuq seba’ toroq fiż-żona industrijali ta’ l-Mrieħel b’nefqa li mistennija tiżboq id-Lm960,000. 

Waqt żjara li għamel dal-għodu fl-Imrieħel, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jtejjeb in-network tat-toroq li jaqdi l-ħtiġijiet kummerċjali u industrijali tal-pajjiż.  Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo. 

Il-Ministru Mugliett qal li minbarra xogħol estensiv fuq it-toroq arterjali u distributorji ta’ Malta u Għawdex li jgħaqqdu l-portijiet maċ-ċentri kummerċjali u ż-żoni industrijali, il-Gvern Ċentrali bħalissa għaddej bi programm estensiv ta’ xogħlijiet fuq 19-il triq fiż-żoni industrijali infushom.  

“Dan it-titjib tat-toroq iġib ukoll titjib dirett fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jaħdmu f’din iż-żona, id-dehra ta’ l-ambjent f’dawn l-inħawi, kif ukoll aktar effiċjenza fl-attività kummerċjali. 

“Fuq medda ta’ tnax-il xahar, il-Gvern ser ikun investa total ta’ madwar Lm1.4 miljun fuq dawn it-toroq fiż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel – somma rekord li turi li l-Gvern qiegħed jieħu miżuri konkreti biex tittejjeb il-kompetittività ta’ l-operaturi f’din iż-żona u ta’ l-industrija ta’ pajjiżna,” żied jgħid il-Ministru Mugliett. 

Ix-xogħol kien beda f’Settembru tas-sena li għaddiet u dan issa wasal f’nofs it-terminu tiegħu. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li l-proġett fiż-żona industrija ta’ l-Imrieħel huwa xempju għas-sinerġija li issa teżisti bejn id-Direttorat tan-Network Infrastructure ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport u l-kumpanniji li joffru s-servizzi. 

“Dawn it-toroq qed jinbnew skond standards moderni mhux biss biex ikunu jistgħu jilqgħu traffiku ta’ vetturi kbar, iżda wkoll biex l-ilma tax-xita ma jibqax jagħmel ħsara lill-basements tal-binjiet f’din iż-żona. Din is-sistema eventwalment ser tingħaqad ma’ dik tal-bypass ta’ l-Imrieħel. Tqgħedet ukoll sistema tad-drenaġġ ġdida. 

“Dawn it-toroq qed jinbnew ukoll b’sistema ta’ common service ducts fuq żewġ naħat tat-triq taħt il-bankini biex il-kumpanniji tas-servizzi jkunu jistgħu jaqdu lill-klijenti tagħhom mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-wiċċ tat-triq,” qal il-Ministru. 

Ix-xogħol fiż-żewġ żoni industrijali qed jinqasam bejn erba’ kuntratturi biex ix-xogħol jitħaffef kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent.  

Ix-xogħol li qed isir bħalissa fl-Imrieħel jkompli max-xogħol li kien sar f’din iż-żona fis-sena 2001 fuq 8 toroq oħra u li kien sar f’Tal-Ħandaq fuq 11-il triq fl-2002.  

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li x-xogħol li sar s’issa u li għad irid isir qed isir permezz ta’ konsultazzjoni kontinwa mas-sidien tan-negozji ta’ dawn il-lokalitaiet.  Fil-fatt, is-Segretarju Parlamentari spjega kif qed jinżammu laqgħat ta’ konsultazzjoni fuq bażi regolari, kemm mas-sidien tan-negozji, kif ukoll mal-Kumitat ta’ Azzjoni.  “Dan il-Kumitat ta’ Azzjoni twaqqaf minn fost is-sidien stess, u għandu jservi ta’ aktar għajnuna sabiex jitkompla dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, u b’hekk, din iż-żona industrijali, u oħrajn bħala, jkunu jistgħu jgawdu mill-aħjar organizzazzjoni u n-nies li jaħdmu fihom jkunu jistgħu jaħdmu bl-aħjar mod possibbli.” 

L-Onor. Vassallo spjega wkoll kif f’dawn il-laqgħat qed jiġi diskuss kif iż-żona industrijali tkun tista’ tinżamm aktar nadifa u qal ukoll li “x-xogħol infrastrutturali li qed isir f’din iż-żona jikkonsisti, fost l-oħrajn, fil-bini ta’ toroq mill-ġdid, fl-installazzjoni ta’ sistema aħjar ta’ l-elettriku, fil-bini ta’ sistema aħjar ta’ kif jinġabar l-ilma tax-xita, u fit-twaħħil ta’ l-ismijiet tat-toroq u tabelli oħra fl-entraturi.  Dan huwa investiment imdaqqas, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-infrastruttura m’hiex biżżejjed biex in-negozji ta’ din iż-żona jaħdmu bl-aħjar mod.  Hemm bżonn ta’ mentalita` imprenditorjali, ta’ tnaqqis ta’ burokrazija, ta’ organizzazzjoni taż-żona biex b’hekk ikun jista’ jitkattar ix-xogħol, u ż-żona tkun ċentru fejn in-negozju jikber.  Dan ix-xogħol diġa’ qiegħed isir, u b’laqgħat kontinwi ta’ konsultazzjoni ser inkomplu naħdmu biex flimkien inżommu din iż-żona nadifa u organizzata.” 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal ukoll li “is-sidien tan-negozji fiż-żona qed ukoll jiġu mgħejjuna sabiex jirregolaw rwieħhom f’dawk li huma permessi u liċenzji, biex b’hekk ikunu jistgħu jaħdmu u ma jiġux imfixxkla minn ċertu burokrazija żejda.”  Inbeda wkoll proċess biex plots li għadhom mhux mibnija jiddawru b’ħitan jew jinħarġulhom enforcement orders sabiex jiġi evitat li jsiru miżbliet żgħar.  L-Onor. Edwin Vassallo qal ukoll li “qed jinħadem programm ta’ ġimgħa attivitajiet flimkien ma’ l-Awtorita` għas-Saħħa u s-Sigurta` fuq il-post tax-Xogħol, sabiex is-sidien jiġu nfurmati tajjeb dwar l-obbligi tagħhom, u tiġi assigurata aktar saħħet il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.”  Is-Segretarju Parlamentari temm billi qal li jawgura li “dan il-proċess ta’ konsultazzjoni li wassal biex sar tant xogħol siewi f’din iż-żona jitkompla, biex b’hekk iż-żoni industrijali f’pajjiżna jkun organizzati bl-aħjar mod biex jitkattru x-xogħol u l-intrapriża fihom.” 

It-toroq li qed jinbnew fiż-żona industrijali tal-Mosta jinkludu Triq il-Ballut, Triq iż-Żnuber, Triq il-Kappar, Triq l-Għarghar, Triq il-Parsott, partijiet minn Triq il-Fortizza, Triq Nikol Muscat, Triq Filippu Apap Bologna u Triq tas-Sriedaq. 

Il-proġett fiż-żona industrijali tal-Imrieħel hu magħmul mill-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Industrija, Triq il-Kummerċ, Triq il-Ħaddieda, Triq is-Snajja’, Triq il-Bankiera, Triq is-Salib and Triq l-Għajn. 

B’kollox ser ikunu qed jinbnew toroq b’tul totali ta’ 3.065 kilometri. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow