ĦOLQIEN TA’ ĊENTRI FIL-KOMUNITA’ GĦAT-TEKNOLOĠIJA U T-TAGĦLIM
Il-ħolqien taċ-ċentri fil-komunità għat-teknoloġija u t-tagħlim hi inizjattiva oħra biex nassiguraw li l-għerf diġitali jkun miftuħ għal kulħadd, ikun x’ikun id-dħul tiegħu jew tagħha. Dan qalu l-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn fiha spjega li l-firda diġitali l-aktar komuni hi l-istess bħall-firdiet kollha li l-politika taffronta l-ħin kollu: iċ-ċentru kontra l-periferija, il-kapitali kontra l-provinċji, it-torri istituzzjonali ta’ l-avorju kontra l-ħajja vera ta’ kuljum tan-nies.
Il-Ministru Austin Gatt qal li l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom rieda tajba kemm trid biex jinteressaw lil min m’hux jaħdem, lill-persuni b’diżabilità, lin-nisa li telqu d-dinja tax-xogħol u lil nies minn setturi oħra li jgħixu ħajjithom ta’ kuljum mingħajr ma jridu jinkwetaw fuq l-istramberiji li l-burokrati jiddilettaw bihom il-ħin kollu. Biex tkun taf x’għandhom bżonn tassew, trid tkun qiegħed jew ikollok diżabilità jew tkun mara li tlaqt id-dinja tax-xogħol. Inkella trid tkun xi ħadd li taħdem kuljum ma’ dawn in-nies.
Il-Ministru Gatt qal li l-Għaqdiet Mhux Governattivi jagħmlu appuntu dan. Huma l-pont bejn il-burokrazija u n-nies ta’ veru u l-bżonnijiet veri tal-komunità. Għax huma organizzati, jifhmu l-lingwa ta’ struttura u tal-bżonn li qabel tagħmel xi ħaġa, tkun taf kemm tiswa u tonfoq il-flus b’mod responsabbli. Għax jaħdmu fil-komunità jifhmu l-lingwa tal-klienti tagħhom li jaqdu kuljum.
Għal dan il-għan il-Ministru Gatt spjega li twaqqfet organizzazzjoni li ser tikber għal proġett bi sħab bejn il-Gvern u Għaqdiet Mhux Governattivi. Permezz ta’ din l-organizzazzjoni, ser inwaqqfu Ċentri fil-Komunità għat-Teknoloġija u t-Tagħlim fejn in-nies li ma nistgħux nilħqu direttament, iħossuhom komdi jiġu u jipprovaw it-teknoloġiji.
Flimkien mal-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) waqqafna l-organizzazzjoni li qed insejħu Community Empowerment Organisation. Qed nistiednu l-Għaqdiet Mhux Governattivi li huma nteressati li jmexxu Ċentru, biex isieħbu din l-organizzazzjoni. L-ewwel sieħeb tagħna ser ikun il-YMCA Valletta .
Il-Ministru Austin Gatt qal li qed nifformalizzaw sistema li diġà kienet ippruvata u rnexxiet. Fis-snin li għaddew ftaħna ċentri għat-taħriġ fl-użu tal-kompjuter u l-Internet fiċ-ċentri tal-Caritas (San Blas) u s-Sedqa (Santa Marija). Dawn iċ-ċentri ma kienux miftuħin għall-persuni li wżaw dawn iċ-ċentri. Jirriżulta li madwar mitt persuna ħadu taħriġ fl-użu tal-kompjuter/Internet.
B’kollox ser jitwaqqfu tmien ċentri li ser jipprovdu:
· Aċċess għall-Broadband Internet;
· Taħriġ;
· Servizzi għal min qed ifittex xogħol;
· Servizzi għal negozji żgħar;
· Programmi għal persuni b’diżabilità;
· Programm għal taħriġ dwar it-teknoloġija għan-nisa li jaħdmu d-dar;
· Programm dwar sikurezza on line;
· Servizzi ta’ l-eGovernment ipprovduti b’mod personalizzat.
Il-Ministru Gatt elenka l-għajnuna tal-Gvern għal dan il-għan. Il-Gvern minn naħa tiegħu se:
· Jipprovdi sa 80% tal-valur ta’ l-ispejjeż għall-bini ta’ computer and Internet centre;
· jiffinanzja parti mill-ispejjeż amministrattivi fejn impjegat ta’ l-IPSL se jiġi ngaġġat bħala amministratur taċ-ċentru u l-Gvern jiffinanzja Lm4,000 mill-paga tiegħu;
· jiffinanzja 80% mill-ispejjeż ta’ taħriġ;
· jiffinanzja programm ta’ taħriġ għal dawk li ser jgħallmu f’dawn iċ-ċentri; ser jiffinanzja t-taħriġ għall-amministraturi taċ-ċentri;
· jiffinanzja l-aċċess għall-Broadband, għat-telefon, għal WiFi network;
· jiffinanzja sa Lm250 mill-ispejjeż ta’ dawl u ilma;
· jiffinanzja Lm200 għall-manteniment ta’ l-apparat u
· jipprovdi s-software u jara li jkun aġġornat.
Minn naħa tagħha, l-Għaqda mhux Governattiva tkun trid:
· tipprovdi l-post fiżiku u l-għamara għall-Computer & Internet Centre,
· tiffinanzja d-differenza għall-amministratur jew iqabbdu amministratur huma;
· tiffinanzja id-differenza għal min iħarreġ u jħallas kontribuzzjoni għall-parti mill-ispejjeż tat-twaqqif taċ-ċentri.
Il-Ministru Gatt irringrazja lil Microsoft li qed jipprovdu s-software li ser jintuża f’dawn iċ-ċentri; lill-HP li qed jipprovdu l-hardware li ser jintuża f’dawn iċ-ċentri; u lill-Maltacom li qed jipprovdu l-konnettività ma’ l-Internet u mat-telefon.
Għalhekk, dawk l-Għaqdiet Mhux Governattivi li huma nteressati jissieħbu f’din l-inizjattiva għandhom jesprimu l-interess taghhom sa nhar it-8 t’April 2005.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946