IT-TAĦDIDIET BEJN GVERN, ENEMALTA U GWU JIEQFU MINGĦAJR KONKLUŻJONI
It-taħdidiet bejn il-Gvern u l-Korporazzjoni Enemalta fuq naħa u l-General Workers’ Union fuq in-naħa l-oħra bil-medjazzjoni tad-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi llum twaqqfu mingħajr konklużjoni.
Il-laqgħa tal-lum kellha tkompli tiddiskuti r-raġunijiet sostantivi li pprovokaw lill-union biex tieħu l-azzjonijiet industrijali tal-ġimgħa li għaddiet. Din l-aġenda kienet miftiehma fil-laqgħa bejn iż-żewġ naħat li saret nhar is-Sibt, 19 ta’ Marzu 2005.
Iżda llum, id-delegazzjoni tal-General Workers’ Union , insistiet li tinbidel l-aġenda u minflok issir diskussjoni dwar it-talba tal-union li l-ħaddiema li ġew sospiżi mill-Korporazzjoni minħabba l-azzjonijiet illeġittimi li ħadu jitħallsu xorta għaż-żmien li kienu sospiżi.
Il-Gvern u l-Korporazzjoni spjegaw li l-pożizzjoni tagħhom hi li l-azzjonijiet li ħadu l-ħaddiema saru bi ksur tal-provvedimenti tal-Ftehim Kollettiv u li allura s-sospensjoni tal-ħaddiema kienet leġittima u l-ħaddiema m’għandhomx jitħallsu għaż-żmien li tulu kienu sospiżi.
Il-Gvern u l-Korporazzjoni fakkru lill-union fid-dritt tagħha li tirrikorri quddiem it-Tribunal Industrijali u li jekk il-union hi tant konvinta mir-raġun tagħha, għandha tfittex li tieħu r-raġun skond il-liġi.
Fuq il-bażi ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil, ma kienx hemm skop għal aktar medjazzjoni f’dan l-istadju.
Il-Gvern u l-Korporazzjoni Enemalta jappellaw lill-General Workers’ Union biex tuża s-sens komun u ma ġġebbidx din il-kwistjoni aktar milli hemm bżonn. Il-Gvern u l-Korporazzjoni javżaw ukoll lill-union li ser jeżerċitaw il-jedd sħiħ tagħhom skond il-liġi biex jipproteġu l-interess tal-viabilità kummerċjali tal-Korporazzjoni u l-interess tal-konsumaturi tal-Korporazzjoni li f’kull ċirkostanza u mingħajr interruzzjoni għandhom jibqgħu jingħataw is-servizzi essenzjali li s-soltu tipprovdi l-Korporazzjoni.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946